Ftit sigħat wara li l-gvern ta’ Benjamin Netanyahu approva pjan sabiex jittieħed il-kontroll totali fil-Medda ta’ Gaza, diversi dimostranti ħarġu fit-toroq b’mijiet minnhom jinġabru quddiem Knesset, il-binja tal-Parlament fejn kellha tintervjeni l-pulizija sabiex tferrixhom minn fuq il-post.
Id-dimostranti qed jitolbu lill-gvern sabiex jintlaħaq ftehim mal-Hamas sabiex jinħelsu l-ostaġġi li għadhom qed jinżammu f’Gaza.
Aktar kmieni l-kabinett ta’ Iżrael approva pjan sabiex jaħtfu f’idejhom il-Medda ta’ Gaza u jokkupaw it-territorju Palestinjan għall-perjodu indefinit, mossa li jekk tkun implimentata se tkun qed tara oppożizzjoni qalila minn pajjiżi oħra. Il-gvern qed isostni li dan huwa l-unika mezz kif ikisser il-Hamas u jeħles l-ostaġġi iżda jinvolvi wkoll li mijiet ta’ eluf ta’ Palestinjani jkollhom jirrilokaw lejn in-Nofsinhar tal-pajjiż.
Id-dimostranti iżda qed jopponu għax, skonthom, dan huwa biss pjan sabiex il-Gvern Iżraeljan jaħtaf l-art f’idejh u dan se jkun qed jara aktar tixrid ta’ demm u gwerer filwaqt li l-ostaġġi se jkunu rritornati mejta.
Minn meta Iżrael kiser il-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied mal-grupp militanti tal-Hamas, kien qed jattakka Gaza kuljum bil-konsegwenza li mijiet tilfu ħajjithom u bħalissa Iżrael jikkontrolla nofs il-Medda ta’ Gaza. Barra minn hekk, qabel ma ntemm il-ftehim, Iżrael kien waqqaf id-dħul ta’ kwalunkwe għajnuna umanitarja.