Fl-okkażjoni tal-jum li jfakkar it-tmiem taż-żewġ gwerer kbar, mijiet ta’ familji ħonqu l-eks sptar navali għal Military Mtarfa. Attività rinomata fil-kalendarju kulturali. Madankollu, din is-sena, kull min żar dan il-post storiku, kellu l-opportunità li għall-ewwel darba jinżel fix-xelter li ta’ kenn lil mijiet ta’ suldati Ingliżi li ndarbu kif ukoll lil paramediċi mill-bombi tul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Dan ix-xelter li qatt qabel ma nfetaħ għall-pubbliku, huwa fond tlett sulari u kien jinkludi fih teatru tal-emerġenza fejn kienu jsiru l-operazzjonijiet. ONE News niżel fix-xelter u tkellem ma’ żewġ żgħażagħ li kienu qegħdin hemm jammiraw il-meravilja li ġab miegħu dan il-post li jissimbolizza lil Malta bħala infermiera fil-Mediterran.
Kull min kien preżenti għal din l-attività kellu l-opportunità li jmur lura fiż-żmien permezz ta’ bosta rapreżentazzjonijiet ta’ ġrajjiet imgħoddija bħal ġlied bejn il-forzi Ingliżi u dawk Ġermaniżi.
Tkellimna wkoll ma’ wħud min-nies fosthom anke tfal fejn qasmu magħna l-esperjenza tagħhom f’dan il-post storiku:
Waqt Military Mtarfa, il-pubbliku kellu l-opportunità li jammira diversi ikoni li jirrapreżentaw żmien il-Gwerra fosthom il-karozzi tas-suldati, il-victory kitchen li minjaf kemm-il darba temat lil mijiet ta’ familji fi żmien il-gwerra kif ukoll armi li kienu jintużaw dak iż-żmien.