Kull sena, mijiet ta’ Maltin u Għawdxin jirrikorru għal programmi imħejjija mid-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa li jsiru bil-għan li jindirizzaw il-problema tal-obeżità f’pajjiżna.
Dan fid-dawl li f’Malta għandna rata allarmanti ta’ nies obeżi. Fil-fatt statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li filwaqt li r-rata medja fl-Unjoni Ewropea ta’ nies obeżi hija ta’ erbatax punt disgħa fil-mija, ir-rata f’Malta hija ta’ ħamsa u għoxrin punt ħamsa fil-mija.
Fil-ġimgħa li tfakkar il-jum kontra l-obeżità, in-Nutritionist Roberta Zarb Adami spjegat li mal-erba’ mitt persuna kull sena, jattendu għal programm imħejji speċifikament għall-adulti li huma obeżi.
Zarb Adami spjegat, “Programm ta’ telf ta’ piż jismu “Piż Tajjeb Tul Ħajtek”, li hu f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Huwa programm ta’ tnax-il ġimgħa fejn in-nies li għandhom piż żejjed jistgħu jattendu, ikollhom sezzjoni ma’ nutritionist u sezzjoni ta’ attività fiżika fil-ġimgħa.”
Spjegat kemm huwa importanti li t-tfal jidraw b’dieta tajba minn età żgħira, ħalli minn ċkunithom jipprevjenu l-obeżità.
“Għamilna programm mal-Unjoni Ewropea fit-tfal tal-kindergartens f’diversi lokalitajiet fejn għallimnihom id-drawwiet tajbin għas-saħħa bħal per eżempju jixorbu l-ilma, jieklu ikliet ħfief u ikliet li huma tajbin għas-saħħa u jżidu l-attività fiżika. Ukoll f’dal-programm, qassamna xi fuljetti għall-ġenituri biex jippruvaw ikompli dawn id-drawwiet ukoll id-dar.” Ikkonkludiet.
Biex anki jekk l-obeżità hija pjaga li qed tiżdied madwar id-dinja, Malta qed tagħmel il-parti tagħha biex iżżid l-għarfien u l-edukazzjoni sa minn età żgħira.