Bħala parti mill-Open Days bit-tema ‘Inwettqu Flimkien’ u wara s-suċċess tas-Sibt, tal-attività ta’ divertiment għall-familja kollha fi Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera, il-Ħadd ittellgħet attività oħra li tagħmel parti minn kullana ta’ attivitajiet oħrajn organizzati mill-Ministeri u entitajiet governattivi li se jkunu qed isiru matul April, kull tmiem il-ġimgħa.
Heritage Malta fetħet b’xejn għall-pubbliku, id-Domus Romana u l-Katakombi ta’ San Pawl fir-Rabat, kif ukoll fil-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali fl-Imdina.
Id-Domus Romana li hija ġojjell patrimonjali fil-qalba tar-Rabat toħodna lura fl-era aristokratika Rumana tal-qedem b’aspetti li jinkludu id-dinamika familjari, il-moda, l-edukazzjoni, id-divertiment, u l-ikel ta’ dik l-epoka.
Bħalissa fid-Domus Romana għaddej il-Proġett Melite Civitas Romana, fejn qed isiru skavi li għandhom l-għan li jixħtu aktar dawl fuq il-ħajja tal-imgħoddi Ruman ta’ pajjiżna.
It-tfal li bi ħġarhom żaru dan it-teżor fir-Rabat flimkien mal-familji tagħhom kellhom l-opportunita’ li jduru dawra mad-Domus Romana flimkien ma’ gwida bil-Malti, u ngħataw worksheets edukattivi fejn fihom setgħu jiktbu, ipinġu u jitgħallmu dwar il-perjodu Ruman u l-perjodu Għarbi f’Malta
Kull min, il-Ħadd, kien ir-Rabat kellu x-xorti li jżur ukoll dinja oħra taħt l-art fil-passaġġi u l-oqbra tal-Katakombi ta’ San Pawl u l-Mużew tal-Istorja Naturali fil-Belt l-antika ta’ Malta, l-Imdina.
Kull tmiem il-ġimgħa sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, l-attivitajiet ‘Inwettqu Flimkien’ se jkomplu fost oħrajn, is-Sibt li ġej fil-Malta Air Traffic Services fl-Imqabba u l-Ħadd 14 ta’ April, f’ġurnata mal-Korpi Dixxiplinarji fl-Akkademja tal-Pulizija f’Ta’ Kandja filwaqt li fil-padiljun tar-Rabat Għawdex se tkun qed tittella Festa Sportiva.