Mijiet ta’ Marokkini nġabru biex jagħtu l-aħħar tislima liċ-ċkejken Rayan – it-tifel ta’ ħames snin li miet wara li waqa’ u nqabad ġo bir għal erbat ijiem.
Rayan Oram waqa’ għoli ta’ tnejn u tletin metru fl-ewwel ta’ Frar u minn dakinhar saru sforzi kbar biex jiġi salvat.
L-operazzjoni ta’ salvataġġ ġibdet l-attenzjoni tal-midja minn kull rokna tad-dinja.
Mijiet inġabru għall-funeral tiegħu tul il-jum tat-Tnejn fil-villaġġ fejn twieled proprju biswit is-sit fejn seħħet it-traġedja.
In-nies li nġabru mlew in-naħa taċ-ċimiterju fejn sar il-funeral fil-muntanji Rif.
Wieħed mir-residenti qal li f’ħamsin sena, qatt ma ra daqshekk nies għal funeral, f’turija ċara li Rayan kien it-tifel tagħhom kollha u seraq il-qlub ta’ kulħadd.