Esperjenza unika dwar ġrajja storika. Okkażjoni mhux tas-soltu.
Dan kien is-sentiment fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun ta’ dawk kollha, li bi ħġarhom żaru s-sala ewlenija, ħalli jsegwu mill-qrib d-dokumentarju dwar il-Ħelsien, taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Dom Mintoff, u l-progress u l-ġid soċjali li din il-kisba nisġet fina lkoll, li għadna ngawdu minnha bħala nazzjon sal-lum il-ġurnata.
B’filmati li dehru għall-ewwel darba, imżewġa ma’ intervisti esklussivi ma’ personalitajiet li għexu din il-mixja twila u li ma kinitx waħda faċli, sal-ewwel tokki ta’ nofsillejl tal-31 ta’ Marzu tal-1979.

Tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay.
“Il-Partit Laburista qed jiċċelebra din il-ġurnata din is-sena b’mod differenti. Dalgħodu konna fl-Imtarfa fejn il-Partit wera’ li postijiet, lokalitajiet, li kienu esklussivament għall-użu tas-servizz Ingliżi ngħataw lill-Maltin wara Jum il-Ħelsien. Illum hawnhekk iltqajna fiċ-ċinima ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, u l-ġimgħa d-dieħla nilħqu l-qofol fejn id-destinazzjoni tagħna tkun il-Birgu biswit il-monument tal-Ħelsien fejn niltaqgħu bħala Partit Laburista biex niċċelebraw propju dak li ksibna, mhux biss f’Jum il-Ħelsien tal-1979 imma kif illum għad għandu relevanza fil-ġurnata tal-lum.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay
Il-pubbliku preżenti, il-Ħadd waranofsinhar kellu biss kliem ta’ tifħir għal din l-inizjattiva imtella’ mill-Partit Laburista bħala preludju għall-Jum il-Ħelsien ta’ din is-sena bit-tema ‘Ħelsien: Il-Ġid għall-Maltin’. Dan filwaqt li l-pubbliku setgħa jgawdi wkoll il-wirja dwar il-Ħelsien.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum il-Ħelsien ta’ din is-sena jintlaħaq il-Ħadd 30 ta’ Marzu f’Xatt ir-Risq, il-Birgu fejn dakinhar issir iċ-ċerimonja ta’ tifkira filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela jagħmel diskors għall-okkażjoni lil dawk miġbura.