Mijiet ta’ persuni attendew għall-Malta International Fish Fest ta’ din is-sena, inizjattiva li kienet maqsuma fuq jumejn f’Marsaxlokk u fil-Mellieħa, b’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali rispettivi.
Kull min attenda ż-żewġ attivitajiet gawda minn bejgħ ta’ ħut, tisjir u promozzjoni ta’ ikel tradizzjonali b’ħut li jkun maqbud fl-ibħra lokali, bħal spnott, awrat, tonn u lampuki, fost oħrajn, flimkien ma’ numru ta’ stands informattivi u edukattivi.
Din l-inizjattiva ospitat numru ta’ artisti lokali, bil-għan li fl-istess ħin jipprovdu divertiment għar-residenti u t-turisti ta’ kull età.
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, saħaq kif dan il-festival hu turija ċara ta’ kemm pajjiżna kapaċi jesponi l-akkwakultura reputabbli tiegħu ma’ kulħadd.
Hu spjega li, minkejja li pajjiż żgħir, il-Gżejjer Maltin huma sinjuri fil-kultura u t-tradizzjonijiet u dan il-festival tal-ħut fin-Nofsinhar u t-Tramuntana ta’ Malta kien mezz li bih jintwera l-prodott tant tajjeb li kapaċi jiġi offrut għal kull min jiġi f’pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha waqt li spjegat kif il-Fish Fest se jibqa’ jservi ta’ opportunità biex kemm il-Maltin kif ukoll it-turisti jkunu jistgħu japprezzaw aħjar il-ħidma kbira li jinvolvi s-sajd.
Aktar minn hekk, din il-festa kienet opportunità għall-familji kollha biex gawdew mill-esperjenzi sbieħ li joffru dawn l-avvenimenti.