Mijiet inġabru fil-knisja tal-Balluta biex jagħtu l-aħħar tislima lil Rennie Vella – il-personalita televiżiva li tilef ħajtu nhar it-Tlieta 10 ta’ Jannar, 2017. Diversi preżentaturi li ħadmu ma’ Rennie inġabru biex jagħtu għall-aħħar tislima, b’uħud minn dawn jafu l-bidu tal-karriera televiża tagħhom lir-Rennie.
Fuq kollox spikkat it-tifkira ta’ raġel tal-familja u ġentlom li mhux biss seraq il-qlub tal-Maltin bil-preżenza televiża tiegħu, iżda aktar minn hekk bil-qalb tad-deheb li kellu.
Rennie miet wara li kien ilu għal diversi snin maħkum minn marda li iżda hu ġġilidha bi qlubija kbira.Rennie kien ilu sa mill-2003 jippreżenta programmi fuq ONE u sa ftit tax-xhur ilu kien għadu għaddej jippreżenta flimkien ma’ martu Paulanne.
Iżda Rennie mhux minn dejjem kien jiffaċja l-kameras. Hu beda fix-xogħol tal-ospitalità u saħansitra kien ikanta. Rennie kien reliġjuż u jħobb jgħin il-proxxmu. Kif kien stqarr meta kien viċin il-mewt fl-2002, sab sens ta’ rispett minn dawk li kienu jaqsmu ħajtu.
“Iktar napprezza l-imħabba tal-familja, pereżempju r-rispett tal-mara tiegħi, il-ġewinità tal-imħabba, tkun taf min vera iħobbok,” kien qal Rennie meta intervistat minn Wayne Aquilina.