Il-Ħadd filgħodu f’ġurnata mill-isbaħ kienu mat-tmien mitt parteċipant li ħadu sehem fl-attività tal-Caritas, Run for Life.
Din l-inizjattiva laqgħet fi ħdanha persuni ta’ etajiet varji li lkoll ingħaqdu għal għan wieħed dak illi jgħinu lill-Caritas permezz ta’ ġirja.
Fil-fatt, b’kollox saru tlett ġirjiet u mixja li lkoll intemmu ġewwa l-faċilità ta’ rijabilitazzjoni ta’ San Blas. Iż-żewġ ġirjiet prinċipali kienu tal-għaxar u ħames kilometri, filwaqt li ttellgħet ukoll mixja ta’ żewġ kilomteri u nofs u żewġ ġirjiet għat-tfal ta’ żewġ kilometri u nofs u kilometru b’mod rispettiv.
Marica Cassar li hija l-uffiċjal tal-komunikazzjoni tal-għaqda Caritas, stqarret ma’ dan l-istazzjon kif din l-attività kienet ħolma tal-ħafna voluntiera u professjonisti tal-Caritas sabiex jippromwovu d-dixxiplini sportivi, b’mod partikolari l-ġiri, bil-għan li jbiegħdu lil dak li jkun minn vizzji ħżiena.
Cassar faħħret b’mod partikolari lil dawk il-ġenituri li laqgħu l-istedina tal-Caritas u ħeġġew lil uliedhom sabiex jipparteċipaw f’din l-attività.
“Hemmhekk ukoll tara l-atmosfera sabiħa li ħolqu t-tfal hux hekk, bil-ġenituri li jinkoraġġuhom minn età daqshekk żgħira biex jidħlu fid-dixxiplini sportivi għax nemmnu ħafna li din it-tip ta’ dixxiplina iżomm lil persuni ‘il bogħod minn dipendenzi u vizzjijiet li jistgħu jaqgħu fihom.”
Fid-dawl tal-parteċipazzjoni tat-tfal ta’ etajiet bikrin, ma naqasx li ftit tal-mumenti wara li temmew il-ġirjiet tagħhom, ħadnilhom l-ewwel reazzjonijiet tagħhom fejn fost l-oħrajn qasmu magħna kif ħassewhom u għaliex għażlu li jagħmlu l-ġirja.