Illum wara nofsinhar sar il-pellegrinaġġ tradizzjonali magħruf bħala Ħadd in-Nies f’Ħaż Żabbar. Kienu mijiet dawk li attendew, bil-maġġoranza tagħhom ikunu Żabbarin, li ta’ kull sena jikkonkorru bi ħġarhom għal dan il-pellegrinaġġ.
B’differenza mis-snin ta’ qabel, dak ta’ din is-sena kienet okkażjoni speċjali hekk kif l-istatwa tal-Madonna tal-Grazzja akkumpanjat l-pellegrinaġġ. Dan wara li l-Arċisqof Charles Scicluna aċċetta t-talba tal-poplu Żabbari.
Ħadd in-Nies isir kull l-ewwel Ħadd tar-Randan u ilu jsir minn żmien il-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann. Deskritt bħala pellegrinaġġ pentienzjali, dan idur mat-toroq ta’ Ħaż Żabbar, u jservi biex dak li jkun ipatti għad-dnubiet tiegħu.
Fil-fatt, dawk kollha li attendew imxew f’ġabra filwaqt li komplew mat-talb li kien qed jintqal. Talb li seta jinstema mit-toroq permezz tad-diversi megaphones li kien hemm f’numru ta’ toroq. Apparti l-mijiet ta’ nies preżenti waqt il-pellegrinaġġ, kien hemm ukoll preżenti membri miż-żewġ każini, il-Banda Marija Mater Gratia u Banda San Mikiel.