Mijiet marru Marsaxlokk il-lejl li għadda biex igawdu festa ta’ nar u kuluri li ma fakkret f’ebda qaddis. Dan għaliex fir-raħal tradizzjonalment marbut mas-sajjieda, saret is-sbatax-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar, organizzat mill-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu. Tul dan il-festival qed jipparteċipaw b’kollox sittax-il kamra tan-nar Maltija u erbat’ikmamar barranin.
It-tema din is-sena hija ‘Fejn in-Nar u l-Kultura Jiltaqgħu’. F’Marsaxlokk, kollox beda b’kaxxa infernali ta’ 500 kulur mil-kamra tan-nar ta’ Santa Marija tal-Qrendi. Wara, il-banda Pompeii ipparteċipat f’Marċ mit-Triq tat-Truniċera sal-Parroċċa ta’ Marsaxlokk. Segwa spettaklu ta’ murtaletti flimkien ma’ logħob tan-nar tradizzjonali, li kien jikkonsisti minn murtali tal-kulur, blalen, sfejjer, beraq, fetħiet bil-beraq u fetħiet tal-kulur. Kienu bosta l-kmamar tan-nar Maltin li pparteċipaw permezz ta’ logħob tan-nar tal-ajru u tal-art. Fost antiċipazzjoni qawwija, l-ispettakli ta’ nar u mużika sinkronizzati kienu eżebiti mill-kmamar tan-nar Martarello mill-Italja u mill-Kamra tan-Nar ta’ Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq.
Dan kollu segwa spettaklu ieħor li seħħ ġimgħa ilu f’Għawdex. Il-qofol kollu, madanakollu, se jintlaħaq għada fil-Port il-Kbir. Għall-ħabta tat-tmienja u nofs, tiftaħ l-ispettaklu brass band flimkien ma’ kantanti stabbiliti Maltin. Dawn se jeżebixxu t-talenti tagħhom minn fuq palk li se jkun armat fuq l-ilma..kunċett ġdid għall-gżejjer Maltin. Wara, se jkunu preżentati trofej lill-parteċipanti u rebbieħa tal-kompetizzjoni piroteknika. Ladarba jsiru magħrufa r-rebbieħa, ikompli l-ispettaklu. Il-kmamar tan-nar Lourdes ta’ San Ġwann, San Filep ta’ Ħaż-Żebbuġ u San Mikiel ta’ Ħal Lija jeżebixxu blalen u sfejjer wara xulxin. Isegwi mbagħad spettaklu ta’ nar u mużika live flimkien ma’ kantanti stabbiliti, fosthom Glenn Vella u Amber. Eżatt wara, il-brass band tkompli ddoqq fil-preżenza ta’ DJ, għal taħlita ta’ mużika li żgur tolqot etajiet varji. Fost kantanti stabbiliti li se jkunu ta’ kontribut, se jkun hemm Mikaela, Pamela Bezzina, Martina, Ozzy Lino, Christian Arding u Maxine.