Hekk qal il-profeta Iżaija fuq Sidna Ġesu’ Kristu. U hekk jismgħa r-rappreżentazzjoni li l-Propera Avgesco Drama Group tal-Ħamrun ser ikun qed itella’ din is-sena fl-okkażjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa. Din hija r-raba’ rappreżentazzjoni ħajja li ser ikun qed jorganizza dan il-grupp bis-sehem sħiħ tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, fejn għaldarba oħra iz-zuntier tal-parroċċa San Gejtanu ser jinbidel fil-belt ta’ Ġerusalem, biex twassal lil dawk preżenti l-ġrajja ta’ din l-akbar imħabba.
Din is-sena ser tkun rappreżentazzjoni b’differenza, fejn il-ġrajja ser tkun imwassla permezz ta’ monologi, minn sitt persunaġġi mportanti f’ħajjet Ġesu’ Kristu. Dawn huma Ġwanni, Pietru, Ġuda, Veronika, ommu Marija u Magdala. Kull monologu ser jmexxina minn mument għal ieħor, mid-dħul ta’ Ġesu’ f’Ġerusalem, għall-aħħar ċena, għaċ-ċaħda ta’ Pietru u id-disprament ta’ Ġuda. Ma tonqosx il-mixja sal-mewt tas-salib fejn hawn naraw laqgħa mqanqla bejn Ġesu’ u Veronika. Il-qofol jintlaħaq meta minfuq is-salib Ġesù jafer lil kulħadd u ftit wara naraw lil dik l-omm li b’qalb maqsuma, tirċievi f’ħoġorha lil binha bla ħajja, u wara dawn l-aħħar ħsibijiet ta’ Magdala.
Fost l-ammont sabiħ ta’ atturi mill-Ħamrun li ser jimlew ix-xeni ppreparati, nsibu fil-partijiet prinċipali lil Jonathan Azzopardi, John Suda, Dorian Micallef, Marie-Clare Sammut, Tanya Agius Borg, Christine Buttigieg u James Attard fil-parti ta’ Kristu. Bħala kitba hija dik li ħarġet mill-pinna ta’ Renzo Bonello fejn m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni fejn jidħlu kitbiet relatati mal-Ġimgħa Mqaddsa. Spunt differenti mis-snin ta’ qabel huwa li parti mużikali ser tkun imwassla live permezz tal-University of Malta, Junior College Orchestra taħt id-direzzjoni tas-Surmast Manuel Pirotta.
Miġruħ minħabba fi dnubietna, nhar is-Sibt 8 ta’ April fit-8.30pm fuq iz-zuntier tal-parroċċa San Gejtanu l-Ħamrun. Din ir-rappreżentazzjoni hija bla ħlas però kull donazzjoni hija apprezzata.