Mara akkużata li kienet il-moħħ wara skema falza ta’ investiment ingħatat il-ħelsien mill-arrest, wara li aktar xhieda rrakuntaw mal-qorti l-esperjenza tagħhom meta għaddew minn taħt l-idejn allegatament frodulenti tagħha.
Tanya Borg ta’ ħamsa u tletin sena minn Attard qed tiġi akkużata li ffrodat tnax-il persuna mal-mitt elf ewro, billi kkonvinċithom jinvestu f’negozju ta’ deterġenti flimkien ma’ nies importanti bħal spetturi tal-pulizija, avukati u intraprendituri stabbiliti.
Quddien il-maġistrat Doreen Clarke, x-xhieda rrakuntaw kif il-mara wegħdet profitti kbar, billi ppreżentat ftehim bil-miktub, biss biex jinqatgħu l-kuntatti kollha ladarba l-vittmi talbu flushom lura. Spikkaw ix-xhieda ta’ koppja miżżewġa waqgħu fin-nasba meta l-mara rrakuntatilhom kif saret sinjura permezz ta’ din l-iskema. Wara li l-koppja ħarġet madwar ħamsa u tletin elf ewro u kkonvinċew ħabib biex jinvesti għaxart elef ewro fl-iskema, il-koppja ma damitx wisq ma ndunat li ġiet imqarrqa.
It-talbiet tagħhom għall-flus lura kienu dejjem imxejna bl-iskużi.
Żewġ investituri Għawdxin ukoll irrakuntaw l-esperjenza tagħhom.