Riċerka li għamel ħamsin sena ilu Gino Muscat Azzopardi dwar iċ-Ċimiterji li nbnew f’Malta se tkun ippubblikata f’volum ġdid b’tagħrif u ritratti ta’ ċimiterji li għadhom jintużaw għad-dfin, ċimiterji li għadhom jeżistu iżda ma jsirx dfin fihom u ċimiterji li mhumiex tal-kattoliċi.
Waqt it-tnedija ta’ dan il-ktieb fil-kappella ta’ San Luqa fiż-Żurrieq, il-Professur u storiku Raymond Mangion wera l-manuskritt oriġinali miktub bl-idejn minn Gino Muscat Azzopardi.
Il-Professur Mangion qal li jqis ix-xogħol tal-mibki s-Sur Muscat Azzopardi bħala wirt nazzjonali imprezzabbli. Kompla jgħid li hu, meta kellu 15-il sena kien jakkumpanja lil Gino Muscat Azzopardi fil-karozza misjuqa minn martu stess matul żjarat f’għadd ta’ ċimiterji fl-erba’ rkejjen ta’ Malta.
Azzopardi kien ħaddiem tal-pinna mill-aqwa kemm tal-proża kif ukoll tal-poeżija. Kien fost l-ewwel attivisti sa mill-ħolqien tal-Partit Laburista bl-isem ta’ La Camera del Lavoro fl-1920.