Inġabru r-rigali kollha mingħand il-ħafna mijiet t’individwi u anke kumpaniji li ħasbu u xtraw rigal lill-kważi elfejn tifel u tifla għal dawn il-festi tal-Milied.
Il-kampanja Children’s Dreams, tiġi organizzata ta’ kull sena mill-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali (FSWS), bil-għan li tferraħ tfal li għal xi raġuni jkunu mċaħħda minn affarijiet materjali.
Ir-rigali jvarjaw minn ħwejjeġ sa anke apparat elettroniku.
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon qal li din il-kampanja hija turija ċara tal-ġenerożità tal-poplu Malti, li f’okkażjonijiet bħal dawn jingħaqad biex joħloq tbissima u aspirazzjoni lil dawn it-tfal.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti faħħar il-ħaddiema kollha tal-FSWS għall-impenn u d-dedikazzjoni kollha li juru matul is-sena kollha, speċjalment fix-xogħol ma’ dawk l-iktar vulnerabbli.