Fl-ewwel jumejn tal-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’ nġabru 72 tunnellata ta’ skart fi 3,500 borża.
Matul it-tielet jum ta’ din il-kampanja tnaddfu xi bajjiet, primarjament mill-alka, li telgħet b’mod natutali, fost dawn il-bajjiet kien hemm il-bajja tal-Għadira. Apparti minn hekk bosta central strips, traffic islands, u roundabouts ingħataw iż-żebgħa, filwaqt li sar ġbir ta’ skart illegali.
F’din il-kampanja qed isir ukoll xogħol ta’ manutenzjoni usa’ mit-tibdil ta’ bozoz fit-toroq u li jinvolvi tiswijiet ta’ għamara fit-toroq u manutenzjoni simili. Fil-fatt matul l-ewwel jum ta’ din il-kampanja nbidlu aktar minn 60 bozza.
Dan ix-xogħol sar minn 450 ħaddiem minn diversi entitajiet, li matul il-jum tal-Ħamis ħadmu b’mod kollettiv biex ikompli t-tisbiħ, għalissa fl-arterji prinċipali u postijiet fejn hu magħruf li jinġabru ħafna nies.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni ntqal li l-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’ qed isir b’kollaborazzjoni bejn diversi Ministeri u l-ħaddiema ġejjin mid-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika, Parks Malta u Ambjent Malta, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Enemalta, Transport Malta u l-Foundation for Tourism Zones.
Din il-kampanja hija mmirata li ssebbaħ pajjiżna billi tirriġenera diversi żoni b’eżerċizzju ta’ tindif, tisbiħ u manutenzjoni skont il-bżonn.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar li l-uffiċċju tiegħu qed jikkordina din il-kampanja stqarr li din hija “kampanja kkordinata li qed tara mijiet ta’ ħaddiema minn entitajiet diversi fis-settur pubbliku jingħaqdu fi sforz kollettiv biex inħallu ambjent isbaħ u pajjiż aktar nadif.” Saħaq li jrid jara wkoll li dak li qed jitwettaq jkompli jissaħħaħ u jsir rutina. Hu tenna li fil-jiem li ġejjin hu mistenni li l-ammont ta’ ħaddiema f’din il-kampanja jiżdiedu minn 450 għal madwar 700 iktar ma tikber il-kampanja.
Dawn il-ħaddiema huma mqassma fi 15-il grupp imferrxin ma’ kull żona tal-pajjiż. Ix-xogħlijiet jinvolvu tindif ġenerali ta’ toroq u bajjiet, manutenzjoni ta’ dwal, żebgħa, tindif ta’ taħżiż ma’ bini pubbliku, sinjali ġodda tat-traffiku u ġbir ta’ skart goff f’diversi inħawi.