Kollaborazzjoni bejn il-Malta Enterprise u l-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji se twassal għall-ewwel edizzjoni tal-Malta Business Awards, li se jsiru fit-28 ta’ Ottubru li ġej.
F’din is-serata, li se ssir f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, se jingħataw ’il fuq minn għoxrin premju f’kategoriji differenti, bħal startups, l-imprenditorjat femminili, l-apprentistat, u soluzzjonijiet għat-tibdil fil-klima u proċessi sostenibbli.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji, Abigail Agius Mamo, qalet li n-nominazzjonijiet għal dawn il-premijijiet huma diġà miftuħa.
“Il-Malta Business Awards huma miftuħin u jagħlqu fil-25 ta’ Settembru. Wieħed jista’ japplika billi jidħol fuq is-sit elettroniku maltabusinessawards.mt u hemmhekk ħa jsib erba’ kategoriji li taħthom jaqgħu awards differenti. Hemm mal-20 award li wieħed jista’ jagħżel skont l-interess u l-inizjattiva li jkollu biex jippreżenta fin-negozju tiegħu.”
L-erba’ kategoriji huma: l-impatt soċjali tal-intrapriża, inizjattivi ekoloġiċi, Best in Business, u l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni.
Fl-10 ta’ Ottubru, imbagħad, jitħabbru l-finalisti li se jkunu preżenti għas-serata finali tat-28 ta’ Ottubru.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, qal li wieħed mill-għanijiet ta’ dawn l-Awards huwa li mhux biss l-intrapriżi jiġu ppremjati iżda li dawn iservu ta’ mudell għal intrapriżi oħra biex itejbu l-operat tagħhom.
Qal ukoll li dawn l-awards se jippremjaw lil dawk l-intrapriżi li jbiddlu l-operat tagħhom biex ikunu ambjentalment u ekonomikament aktar sostenibbli.
“Allura, il-kollaborazzjoni bejna u bejn iċ-Chamber of SMEs hija waħda importanti ħafna sabiex ngħaddu messaġġ li rridu ngħollu l-istandards u fuq kollox nippremjaw lil dawk in-negozji illi jagħmlu l-investiment u l-investiment ikun qed itejjeb l-operat tagħhom imma anki L-kontribut tagħhom lejn l-ekonomija u lejn is-soċjetà inġenerali.”
Il-President tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji, Paul Abela, stqarr li dawn l-Awards li l-Kamra se torganizza flimkien mal-Malta Enterprise huma ta’ unur għaliha fl-istorja ta’ ’l fuq minn sebgħin sena tagħha għax se joħolqu pjattaforma ta’ rikonoxximent li tispira intrapriżi oħrajn.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, faħħret ir-reżiljenza tal-intrapriżi u l-investiment tagħhom fis-sostenibbiltà.
“L-aħħar xhur żgur li kienu żminijiet ta’ sfida għan-negozji tagħna, però f’pajjiżna rajna imprendituri li verament kienu reżiljenti li, minkejja l-isfida illi teżisti internazzjonalment, grazzi wkoll għall-għajnuna tal-Gvern, raw li f’dawn iż-żminijiet ikunu qegħdin jinvestu biex ikunu aktar sostenibbli ambjentalment, aktar sostenibbli ekonomikament imma anki soċjalment. Allura lil dawn in-negozji rridu li nippremjawhom u rridu li nuru l-eżempju tajjeb tagħhom lil negozji oħra li jiena konvinta jistgħu u kapaċi jimxu fuq il-passi tagħhom.”