Ġie inawgurat l-ewwel sit minn sitta li fih qed isir xogħol ta’ riġenerazzjoni bħala parti mill-investiment fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali.
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie inawgurat l-Adventure Park, il-koordinatur tal-proġett, Jason Micallef spjega kif dan il-park għal tfal ta’ bejn it-tliet snin u t-tnax-il sena, huwa adattat biex il-familji jgħaddu ħin ta’ mistrieħ flimkien f’ambjent li huwa aċċessibbli għal kulħadd.
Qal, “L-investiment ta’ 2.3 miljun ewro li sar fuq dan l-Adventure Park kien ifisser illi dan l-ispazju nqala’ kompletament mill-ġdid, bil-flooring, bl-equipment, huwa 100% aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità, għandna spazju saħansitra għall-persuni b’diżabilità, naturalment għandna spazji rikreattivi, dancing fountains, għandna spazji ġodda sanitarji.”
Il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg innota kif issa dan il-park jista’ jitgawda mill-familji Maltin u Għawdxin b’mod speċjali fi tmiem il-ġimgħa meta jkun mimli attivitajiet.
Spjega, “Fil-ġimgħat li ġejjin ser inkunu qed naraw żoni ġodda wħud minnhom li qatt ma kienu aċċessibbli bħalma kellek inti hawnhekk żona fejn litteralment kellek fabbrika tal-konkrit li ilha dilapitata u magħluqa u n-nies qatt ma setgħu jidħlu għaliha, hija d-daqs ta’ sitt grawnds tal-futbol li dalwaqt ikun spazju miftuħ għal kulħadd.”