Fl-isptar Mater Dei nfetħet l-ewwel sala li ser tkun iddedikata biex toffri kura speċjalizzata lill-pazjenti li jkunu sofrew xi tip ta’ puplesija.
Il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela, spjega kif fl-isptar jidħlu bejn żewġ u tliet persuni kuljum, li jkunu sofrew minn xi tip ta’ puplesija, u stqarr kif din is-sala, li tiflaħ 25 pazjent, ser tkun qed tipprovdi trattamenti avvanzati, aċċess għar-riabilitazzjoni bikrija, u professjonisti speċjalizzati.
Il-Ministru Abela tenna fuq l-importanza tal-prevenzjoni ta’ puplesija li tista’ tolqot kull faxxa ta’ età u għaldaqstant l-importanza li jiġu kkontrollati kundizzjonijiet bħall-pressjoni għolja, zokkor, kolesterol u l-obeżità minn kmieni, biex kemm jista’ jkun jipprevjenu riskji ta’ puplesija.
Qal, “Mhux kulħadd jifhem kemm hi importanti li wieħed jiffoka fuq kundizzjoni, jispeċjalizza fiha biex imbagħad jeċċella. Aħna persważi li din is-sala li ħa tkun iffokata biss fuq il-puplesija, ħa tħalli riżultati eċċellenti dejjem aħjar għall-pazjenti tagħna”
Din il-faċilità l-ġdida timxi id f’id mal-istandards tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Puplesija, l-ESO u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Puplesija għall-Ewropa.
Il-Ministru temm jgħid li jekk wieħed jinduna b’xi sinjal ta’ puplesija fuqu jew f’ta’ madwaru, għandu jirrikorri mill-ewwel għall-kura hekk kif kull minuta tista’ tagħmel differenza.