Il-programm ‘Lead’, organizzat mill-Partit Laburista u mmexxi mill-Ministru Miriam Dalli, hu mmirat għal kull mara u tfajla li tinteressaha l-politika.
L-għan ta’ dan il-programm hu li jressaq lill-parteċipanti biex jieħdu sehem aktar attiv fil-politika, kemm lokali kif ukoll nazzjonali jew Ewropea, u anke fl-istrutturi tal-Partit innifsu.
Permezz ta’ dan il-programm, il-Partit Laburista qed jimmira li jkun hemm kandidatura ugwali ta’ nisa u rġiel għall-elezzjonijiet.
Fi kliem Miriam Dalli:
“Naslu f’sitwazzjoni fejn il-kandidati li jersqu ‘l quddiem għall-elezzjonijiet ikunu ugwalment nisa u anke rġiel. Sa ftit tas-snin ilu kien ikollna ħafna rġiel u veru ftit nisa.”
Il-Ministru Miriam Dalli stqarret li hu ta’ sodisfazzjoni li tara eks-parteċipanti li llum il-ġurnata saħansitra huma kunsillieri, sindki, u anke membri parlamentari.
Żiedet tgħid li l-Lead mhux biss tgħin lill-parteċipanti politikament imma anke fil-livell personali.
“Lead hija dik il-pjattaforma li tifforma persuna biex imbagħad tkun tista’ toħroġ fil-pubbliku, twassal l-opinjoni tagħha, tkun soda fl-argumentazzjoni li tagħmel, tikkonvinċi, tkun kapaċi tinnegozja.”
Il-Ministru Dalli qalet li tul dawn is-sessjonijiet il-parteċipanti jitgħallmu minn xulxin għax huma lok fejn jisimgħu u jiddiskutu.
“Huwa t-tieqa tan-nisa u t-tfajliet f’pajjiżna li tinteressahom il-politika. Huwa l-post fejn nitħarrġu, nisimgħu lil xulxin, fejn nitgħallmu mingħand xulxin, għax jien l-ewwel waħda nitgħallem ħafna mingħand il-parteċipanti nfushom.”
Il-Ministru Dalli ħeġġet lil dawk kollha interessati biex jieħdu dan il-pass u japplikaw għall-programm ‘Lead’.
L-applikazzjonijiet għall-parteċipazzjoni se jibqgħu miftuħa sat-22 ta’ Ottubru.