B’investiment ta’ madwar 24,000,000 ewro, għaddej ġmielu xogħol ta’ riġenerazzjoni u restawr fin-naħa t’isfel tal-Belt Valletta.
Il-proġett kien maqsum f’diversi fażijiet fosthom ir-restawr ta’ faċċati ta’ binjiet storiċi bħal dik tal-Berġa ta’ Aragona u s-swar tal-madwar.
Ix-xogħlijiet reġgħu ħarġu fid-deher is-sbuħija tal-faċċata tal-Berġa ta’ Aragona li sar fuq medda ta’ madwar, 3,700 metru kwadru. Fl-istess waqt saret ħidma biex il-wajers tad-dawl jgħaddu b’mod pulit minn mal-faċċata u xogħlijiet fuq 110 aperturi tal-injam hekk kif kienu meħtieġa interventi fuqhom.
Ic-Chairman tal-Korporazzjoni tar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal ma’ ONE News li l-proġett li huwa ko-finanzjat minn fondi Ewropej se jkun qed jara t-tisbiħ ta’ din iż-żona bħala parti minn proġett ta’ pjan ta’ riġenerazzjoni favur in-nies fejn fost ix-xogħlijiet insibu r-restawr tal-faċċata tal-Berġa D’Aragona – iżda mhux biss.
Hu qalilna li “Miegħu għaddej ukoll ir-restawr tal-faċċata tal-House of Catalunya, li hi parti intergrali biex ngħidu hekk, jew estenzjoni tal-istess berġa kif ukoll restawr fuq il-faċċata tal-knisja tal-pilar bħala parti minn qafas ta’ pjan ta’ riġenerazzjoni li qed isir fiż-żona ta’ Marsamxett li hu maħsub li mhux biss hu maħsub biex isir restawr fuq dawn il-binjiet iżda hu parti minn qafas biex ikun hemm tisbiħ ta’ din iż-żona li parti minn proġett ta’ pjan ta’ riġenerazzjoni favur in-nies”.
Zrinzo Azzopardi spjega kif għal kuntrarju ta’ proġetti oħrajn, dan huwa bbażat fuq in-naħa taż-żona ta’ Marsamxett fejn ġew identifikati proġetti żgħar li huma parti minn qafas ta’ riġenerazzjoni .
Saħaq li l-iskop ewlieni tal-proġett hu li jsir tisbiħ f’żona residenzjali wara li saret analiżi taż-żona li wriet kif kien hemm bżonn li jsir mhux biss preservazzjoni tal-binjiet iżda anke riġenerazzjoni favur in-nies.