B’investiment ta’ mija u sebgħin elf ewro, għaddej ġmielu x-xogħol fuq ir-restawr tal-Funtana tal-Iljun ta’ Triq Sant Anna fil-Furjana.
Din il-funtana, li tmur lura kważi tliet mitt sena, mhux biss se jsirilha xogħol estensiv ta’ restawr, iżda wkoll se jkollha sistema ġdida tal-ilma u oħra tad-dawl.
Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, fejn spjega li dan hu wirt storiku mill-isbaħ u permezz ta’ dan ir-restawr din il-funtana se terġa’ tingħata l-ħajja.
Farrugia temm jgħid li dan il-proġett riesaq lejn l-aħħar fażijiet tiegħu u minn hawn u ftit ġimgħat oħra, dan il-monument se jkun jista jerġa’ jibda jitgawda mill-Furjaniżi u minn dawk kollha li jgħaddu minn din it-triq prinċipali ta’ kuljum.