B’investiment ta’ madwar miljun ewro mill-iskema ta’ finanzjament għall-għaqdiet sportivi, daħlu fit-tieni fażi tagħhom ix-xogħlijiet ta’ rinovar fuq il-Padiljun tal-Basketball f’Ta’ Qali.
Is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima qal li fl-ewwel fażi ta’ dawn ix-xogħlijiet jinkludu titjib fl-istruttura oriġinali tal-azzar u tal-binja minn barra.
Din il-fażi se tinkludi wkoll it-twaqqigħ tal-istrutturi interni fil-madwar. Dan se jkun qed iżid il-kapaċità tal-ispettaturi u se jkun aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.
Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Basketball Paul Sultana qal kif dan se jkun kumpless xieraq għal dawk li jilgħabu dan l-isport.
Huwa spjega: “Wara l-ewwel fażi, ġiet struttura sabiħa ħafna, jiġifieri kważi l-istruttura tal-ħadid għandha valur ukoll, bit-tieni fażi issa se jieħu shape wkoll ġewwa.”
Il-padiljun se jintefaħ f’Ottubru li ġej, u se jilqa’ wkoll il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-2023.
Is-Segretarju Parlamentari Grima stqarr: “Faċilità li fl-aħħar tal-ġurnata se tkun qed tfisser mitt qlu’deheb għall-kommunità tal-basketball ġewwa pajjiżna u tkun tista’ tospita logħbiet internazzjonali ġewwa pajjiżna li permezz tagħhom inkomplu nżidu n-numru ta’ proġetti illi jitfgħu lill-pajjiżna fil-mappa interazzjonali, inkluż anke għal dawk li huma training camps li jistgħu jsiru minn nazzjonijiet oħra.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta Mark Cutajar qal kif dan il-proġett huwa wieħed minn kullana ta’ proġetti sportivi li għaddejjin xogħlijiet ta’ rinovar fihom, sabiex ikunu fl-aqwa livell għal dawk li jużaw dawn il-faċilitajiet.