Għaddej ġmielu x-xogħol fuq il-bini tal-kumpless tas-St Michael Hospice f’Santa Venera, li diġà ra t-tlestija tax-xogħol tal-kostruzzjoni.
Dan il-kumpless se jkun l-ewwel tat-tip tiegħu f’Malta li se joffri kura paljattiva ċentralizzata f’ambjent tal-ogħla livell għall-pazjenti.
Fih se jkun hemm sittax-il kamra, li fihom il-pazjenti jingħataw kura paljattiva mdawrin bil-qraba tagħhom.
Il-proġett jinkludi wkoll Day Therapy Unit u klinika għall-Outpatients, li minnhom se jkunu offruti servizzi għal pazjenti bil-kanċer, kundizzjonijiet newroloġiċi u mard serju tal-qalb u tal-kliewi.
Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ tlettax-il miljun ewro, li tmien miljuni minnhom ġejjin mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, u disa’ mitt elf ewro oħra mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Hospice Malta, Kenneth Delia, spjega li fil-preżent, Hospice Malta tagħti għajnuna lil aktar minn elf u tliet mitt familja fis-sena, u b’dan il-proġett, se tespandi s-servizzi u tilħaq aktar nies.
Qal, “F’dan il-proġett, se nkomplu nestendu s-servizzi tagħna, kemm dawk ta’ outpatients u fil-komunità, kif ukoll ta’ in-patients services, li huma bżonnjużi għal numru ta’ pazjenti li sfortunatament ma jkunux jistgħu jibqgħu d-dar. Għaldaqstant, l-għajnuna kbira mill-fondi tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fondi oħra li rnexxielna nġibu minn Minsiteri differenti u anki mill-awtoritajiet u l-pubbliku, ikomplu jissapportjawna biex dan is-servizz jingħata b’mod tajjeb, jekk Alla jrid, mis-sena d-dieħla, minn dan iċ-ċentru ta’ eċċellenza li ħa jkun St Michael Hospice għall-pazjenti Maltin u Għawdxin kollha.”
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej, Chris Bonett, irringrazzja lil Hospice tas-servizzi li toffri u nnota li dan huwa investiment ieħor fin-nies, għaliex il-pazjenti se jingħataw is-sapport meħtieġ, imdawra bil-familji tagħhom.