B’investiment ta’ sitt miljun ewro għaddej xogħol ta’ titjib u tisbiħ f’blokka fl-Isptar Monte Karmeli.
Ix-xogħlijiet jinkludu fost oħrajn xogħol infrastrutturali fuq is-soqfa, sistemi tad-dawl u tal-ilma.
Dan għaliex fost oħrajn is-sistemi tal-ilma u tad-dawl għadhom antiki u għalhekk jeħtieġ li jinbidlu b’sistemi moderni biex il-pazjent jgħix f’ambjent aktar komdu.
L-investiment se jkun qed jagħmel tajjeb għall-ħsarat kbar fis-soqfa ta’ din il-blokka fejn instabu wkoll għoxrin saff ta’ membrane.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, Carmen Ciantar spjegat li xogħlijiet fuq dan il-blokk bdew is-sena l-oħra, u qed jitkomplew f’fażijiet differenti.
Hija spjegat li l-blokka se tkun qed tilqa’ madwar tnejn u ħamsin pazjent.
“Il-fażi ta’ strutturar se tispiċċa s-sena d-dieħla, biex wara jibda il-proċess ta’ installazzjoni tas-sistemi u anke finishing. Wara dik il-fażi, imbagħad jibda l-fażi ta’ landscapping tal-ġnien madwar il-blokk, li huwa estensiv ħafna, li jinkludi gutter fejn se jiġbor l-ilma minn din in-naħa ta’ dan l-Isptar u barra minn hekk se tkun installata sistema fotovoltajka.”
Is-Sinjura Ciantar spjegat li dan l-investiment mhuwiex l-ewwel wieħed f’dan l-isptar, hekk kif Monte Carmeli qed jingħatalu l-attenzjoni li tixraqlu sabiex jagħmel dan l-isptar wieħed aktar adegwat.
Hija temmet tgħid li minn dan l-investiment mhux biss se jkunu qed igawdu l-pazjenti iżda ukoll il-ħaddiema tal-isptar li se jkunu qed jaħdmu fi sptar aktar attrezzat u f’kundizzjonijiet aqwa.
“Barra minn hekk, qed naħsbu wkoll biex fil-futur qrib nibdew il-proċess tal-Ġnien li hemm viċin ħafna tal-YPU, li hija bini fejn jingħataw it-trattament l-pazjent li huma żgħażagħ. Din se tkun żona rikreattiva li hija importanti ħafna u ovvjament se tagħti żvog lil dawn il-pazjenti.”
Dan l-investiment huwa parti mill-politika tal-Gvern li hija defenita bi pjan ta’ għaxar snin, fejn is-servizzi ta’ saħħa mentali ma jingħatax biss ġewwa dan l-isptar minn anke fil-komunità.