Għaddej ix-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-proġett tal-kumpless tar-rugby u l-futboll f’Kordin. Din iż-żona, li maż-żmien kienet suġġetta għal rimi ta’ skart tossiku, bħalissa qed tgawdi minn investiment ta’ sitt mija u ħamsin elf ewro skont kif maqbul mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.
Il-Perit tal-proġett, Johann Farrugia spjegalna kif instabu tlett tipi ta’ skart: “Ġie identifikat mill-istudji li hawn tliet tipi ta’ materjal; hazardous contaminated, contaminated u materjal normali. Il-hazardous contaminated irid jiġi esportat għax f’pajjiżna m’hawnx faċilità li tista’ tilqa’ dan il-materjal.”
Hu stmat kif mad-disa’ mija u erbgħin metru kubu ta’ skart se jiġi esportat lejn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea fejn jista’ jiġi ttrattat kif suppost.
Farrugia semma wkoll kif ser jiġu eleminati l-ventilaturi eżistenti minn żmien l-Ingliżi biex minflokhom jinbnew oħrajn orizzontali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Plus James Camenzuli, li qed imexxi l-proġett, spjega li l-kumpless ser jilqa’ ‘l fuq minn sitt mitt spettatur, u se jkollu faċilitajiet bħal uffiċini, ristorant u parkeġġ.
Huwa stqarr: “Bażikament dan is-sit ser jiġi trasformat f’stadium tar-rugby u futbol, ovvjamnet ħa jiġi ddisinjat għal standards tal-UEFA u li jirrikjedu l-Ewropa biex ikollna pitch li jilħaq l-istandards kollha tal-Ewropa u internazzjonali ukoll.
Il-Ministru għall-Infrastruttura, Ian Borg innota kif minħabba l-istat tas-sit kellhom jittieħdu passi rigorużi biex iż-żona tal-madwar tkun issalvagwardjata.
Hu qal, “Kellna sfidi partikolari, sfidi illi fuq din l-art li ilha abbandunata għal għexieren tas-snin, matul iż-żmien spiċċat miżbla, miżbla imma b’elementi tossiċi u allura kien hemm il-proċeduri rigorużi li wieħed irid isegwi u propju dak ix-xogħol issa wasal fl-aħħar fażi tiegħu.”