Qabad miexi sew x-xogħol fuq ix-shooting range f’Ta’ Kandja, b’ħaddiema jaħdmu bla waqfien biex ilestu l-proġett fil-ħin għall-kampjonat dinji tal-isparar, li se jsir f’pajjiżna f’Ġunju li ġej.
Ix-shooting range kienet waħda mill-wegħdi elettorali tal-Gvern, bix-xogħol fuqha jibda ftit tax-xhur wara l-elezzjoni.
F’Ġunju li ġej, dan il-kumpless se jilqa’ fih l-ewwel kampjonat dinji tal-isparar, li se jġib lejn pajjiżna 300 mitt tiratur, flimkien mat-timijiet u l-qraba tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima qal ma’ ONE News li bħalissa għaddej xogħol fuq l-strutturi li jilqgħu iċ-ċomb kif ukoll il-livellar tal-art skont l-standards neċessarji li titlob shooting range ta’ din il-kwalita.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li dal-proġett ambizjuż qed isir bi tħejjija biex Malta tilqa’ kampjonat internazzjonali tal-sparar li ser joffri niċċa ġdida ta’ turiżmu sportiv. Qal li dan se jkun mifrux fuq għaxar t’ijiem u se jġib miegħu bosta dixxiplini tal-isparar li se jittellgħu kollha fil-kumpless il-ġdid f’ Ta’ Kandja.
Grima qal li dan il-proġett huwa opportunità tajba biex pajjiżna jkun kompetittiv f’oqsma ġodda u jassigura li pajjiżna jkun fuq il-pjattaforma internazzjonali anke fis-settur sportiv.