Miexi x-xogħol fuq it-tliet toroq residenzjali li biswit il-proġett tas-Central Link.
Qal dan il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta Fredrick Azzopardi ma’ ONE News hekk kif spjega li tlesta l-bini mill-ġdid ta’ Triq Ferdinandu Inglott, Triq Oliver Agius u Triq Tumas Chetcuti.
Issa jonqos biss il-fażijiet finali ta’ xogħlijiet, u hu stmat li se jitlestew f’xahrejn.
Azzopardi fisser: Baqa’ diversi finishes biex ngħid hekk anke bħala bankini, baqa’ wkoll anke l-aħħar wiċċ ta’ asfalt imma mhux għax ma nistgħux inlestuhom qabel imma peress li nkunu qed ngħaddu bil-vetturi u anke trakkijiet minn fuqhom allura ikun aħjar li l-aħħar wiċċ, l-aħħar partijiet jingħataw aktar tard xħin ma nkunu aktar bżonn din it-triq.”
Fl-istess toroq Infrastruttura Malta qed tagħmel ukoll parti mill-korsija ġdida għar-roti u l-mixi. Din se tkun l-itwal korsija għar-roti maqtugħa għaliha mit-triq f’pajjiżna, b’tul ta’ 4.3 kilometri biex tipprovdi konnessjoni aktar sigura bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali.
Ir-riġenerazzjoni ta’ dawn it-toroq residenzjali hija biss parti żgħira mill-proġett kollu tas-Central Link, li mistenni jkun lest sa Settembru li ġej.
Azzopardi sostna: “Dan huwa proġett ta’ madwar sena u nofs allura qegħdin naraw li lejn Settembru ta’ din is-sena dan il-proġett ikun lest.”
Il-proġett tas-Central Link qed isir b’investiment ta’ €55 miljun u huwa mmirat biex inaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar, ir-riskji t’aċċidenti u t-tniġġis ikkaġunat mill-konġestjoni tul il-ħolqa ta’ rotot arterjali prinċipali fiċ-ċentru ta’ Malta.