Ftit ġimgħat wara li Enemalta ħabbret proġett estensiv biex issaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż b’aktar minn 70 kilometru ta’ cables sa Lulju li ġej, mill-ewwel bdiet diversi xogħlijiet f’għadd ta’ lokalitajiet, fosthom Bormla, Ħal-Kirkop, il-Mosta, l-Imtarfa, x-Xgħajra u Ħad-Dingli.
Fil-fatt minn informazzjoni li kiseb ONE News, l-Enemalta diġà qiegħdet l-ewwel minn dawn il-kilometri ta’ cables, li mistennija jkunu lesti fl-ewwel sitt xhur tas-sena l-ġdida.
B’dawn il-cables ġodda ta’ 11-il kilovolt, Enemalta se jkollha aktar konnessjonijiet alternattivi biex jonqsu r-riskji ta’ ħsarat, u biex meta jinqalgħu diffikultajiet, il-familji u n-negozji milquta jkunu jistgħu jingħataw lura l-provvista fl-inqas ħin possibbli.
B’rabta ma’ dan, għadd ta’ ħaddiema ta’ Enemalta, Infrastructure Malta u l-kuntratturi tagħha għaddejjin bit-tħaffir u t-tqegħid ta’ cables f’Bormla, Ħal-Kirkop, Ħad-Dingli, l-Imtarfa, x-Xgħajra u l-Mosta. Aktar minn 100 ħaddiema se jkunu qed jagħtu s-sehem tagħhom f’dawn ix-xogħlijiet fix-xhur li ġejjin, li ser jestendu f’ħafna lokalitajiet madwar il-pajjiż kollu.
Enemalta qed tikkordina x-xogħlijiet b’konsultazzjoni sħiħa mal-kunsilli lokali biex ix-xogħlijiet isiru bl-aħjar mod u bl-inqas diffikultajiet għall-komunitajiet tal-madwar. Qed tikkonsulta wkoll l-awtoritajiet tal-wirt storiku u tal-ambjent, skont il-ħtieġa.
Ix-xogħlijiet se jkomplu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin f’għadd ta’ lokalitajiet oħrajn.
F’Lulju li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli ħabbru wkoll li Enemalta se tkun qed tirdoppja l-investiment li kellha ppjanat għall-2024 sabiex issaħħaħ l-infrastruttura tal-elettriku f’kull lokalità. Dan sabiex pajjiżna jkollu servizzi tal-elettriku aktar reżiljenti, speċjalment għall-impatti tat-tibdil fil-klima.
Aktar kmieni dan ix-xahar, Enemalta spjegat kif l-investiment kapitali fl-infrastruttura tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija mhux talli ser jirdoppja, iżda ser jittrippla, b’investiment ta’ madwar €55 miljun f’fondi lokali u Ewropej għas-sena 2024. .
Filwaqt li qed tqiegħed dawn is-70 kilometru ta’ cables ġodda għal aktar reżiljenza fil-konnessjonijiet bejn substation u oħra, Enemalta qed tkompli wkoll it-twettiq tal-pjan ta’ sitt snin b’investiment f’kull livell tas-sistema li twassal l-elettriku fid-djar u n-negozji f’Malta u Għawdex.
Fis-sena l-ġdida, dan il-pjan se jkun qed jidħol fit-tielet sena tiegħu, hekk kif Enemalta qed tippjana li żżid mal-45 substation ġdida filwaqt li timmodernizza u tkabbar 40 oħra. Ser tagħmel ukoll proġetti ta’ rinfurzar tal-cables u l-linji li mis-substations iwasslu l-elettriku lill-klijenti.
Enemalta qed taħdem ukoll biex fis-snin li ġejjin tiżviluppa erba’ ċentri tad-distribuzzjoni ġodda, fin-Naxxar, fl-inħawi tar-Rabat, fis-Siġġiewi u fil-Kottonera. Fil-fatt, dan ix-xahar ħarġet is-sejħa għall-offerti għax-xogħlijiet u l-apparat meħtieġ għall-ewwel minn dawn iċ-ċentri fin-Naxxar.