Jinsab fi stadju avvanzat ix-xogħol ta’ rinnovar fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi, biex fi ftit ġimgħat oħra jkun lest li jilqa’ l-pazjenti f’ambjent modern, komdu u dinjituż, u fl-istess waqt joffri aktar servizzi lir-residenti fil-komunità.
Fi żjara li għamel crew ta’ ONE News fuq il-post, ġie spjegat kif ix-xogħlijiet bdew is-sena l-oħra f’fażijiet differenti.
F’Settembru li għadda, dan iċ-ċentru għalaq il-bibien tiegħu biex jinbidel kompletament minn fuq s’isfel, u fl-istess ħin jimmassimizza l-użu tal-ispazju li joffri biex iżid is-servizzi u joħloq ambjent aktar komdu għall-impjegati u l-pazjenti.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kura tas-Saħħa Primarja, Roseanne Camilleri, spjegatilna kif ix-xogħol miexi skont il-pjan.
Fil-fatt, fl-aħħar jiem ġiet anki nstallata magna ġdida tal-Xray li tipprovdi riżultati malajr, kwalità aktar ċara, u inqas radjazzjoni.
Bl-istess mod, l-apparat mediku u l-għamara diġà qegħdin fil-maħżen tal-istess ċentru biex jitpoġġew f’posthom fil-ġimgħat li ġejjin.
Qalet, “Il-pass li jmiss huwa li jeħel il-linoleum, l-IT System, imbagħad jibdew jeħlu l-bibien u jinżebaħ, so we are moving at a very good rate and speed.”
Parti kbira minn dan il-proġett ta’ rinnovar se jkun ċentru ġdid, state-of-the-art, iffukat speċifikament fuq il-kura tad-dijabete.
Fil-fatt, il-ħsieb hu li dan iċ-ċentru speċjalizzat ikun l-ewwel punt ta’ referenza għal min jinstab li qed ibati mid-dijabete, biex isirlu pjan ta’ kura skont il-bżonnijiet speċifiċi tiegħu minn professjonisti differenti.
Stqarret,“Se jkollu s-servizz ta’ numru ta’ speċjalisti fil-podjatrija, fil-fiżjoterapija, tal-għajnejn, tad-dietician, imbagħad fl-aħħar, permezz tal-Electronic Patient Record li l-Primary Care ilu juża mill-2019, il-konsulent tad-dijabete ikun jista’ jara d-diagnosis ta’ kull healthcare professional u joħroġ pjan dakinhar stess biex il-pazjent ikun jista’ jsegwih.”
Sakemm jitlestew ix-xogħlijiet, dawk li kienu jinqdew minn dan iċ-ċentru qed jingħataw servizz minn ċentri oħra, filwaqt li r-residenti Qriema li jkollhom bżonn ċertu servizzi, baqgħu jeħduhom f’Ħal Qormi stess.
Qalet, “Is-servizzi t’hawnhekk ġew imqassma bejn il-Floriana Health Centre u l-Birkirkara Health Centre, però t-teħid tad-demm li filgħodu jkollna bejn ħamsin u sebgħin kuljum, u l-vaccination tal-Covid u tal-influwenza, dawk b’arranġament mal-knisja, sibna post u rranġajnieh fejn in-nies minn Ħal Qormi jkunu jistgħu jagħmlu appuntament u jinqdew f’Ħal Qormi stess mingħajr skariġġ.”
Ix-xogħlijiet f’dan iċ-ċentru mistennija jitlestew fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.