Miexi ġmielu x-xogħol fuq il-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fi Triq il-Qanpiena f’Birkirkara, li ladarba jitlesta, se jissarraf fi 73 appartament u 55 garaxx.
Mifruxa fuq 1,620 metru kwadru ta’ art, is-sitt blokok se jkunu binjiet ta’ 4 sulari, u x-xogħol fuq l-ewwel blokka wasal fi stadju avvanzat tant li diġà tela’ t-tielet sular.
40% tal-appartamenti huma b’kamra tas-sodda waħda. 40% oħra huma appartament b’żewġt ikmamar tas-sodda, u għoxrin fil-mija għandhom tliet kmamar tas-sodda.
Il-Perit tal-proġett Wallace Farrugia spjega li x-xogħlijiet ta’ pedamenti fuq il-blokok kollha huma lesti. Huwa spjega: “Parti minnhom prattikament nofs l-iżvilupp għandu jkun lest bejn wieħed u ieħor għall-aħħar ta’ Ġunju, min-naħa ta’ binja, imbagħad jidħlu affarijiet oħra bħall-finishes, l-elettriku u l-plumbing.”
Fi żjara fuq il-lant tax-xogħol, fejn bħalissa hemm aktar minn ħamsin impjegat ta’ kuntratturi li qed jaħdmu qatigħ fuq il-binja, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, innota li dan il-proġett huwa parti mill-istrateġija tal-Gvern li jibni 1,700 appartament ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Dan bil-għan li wara snin ta’ tkaxkir tas-saqajn, tiġi indirizzata l-lista ta’ stennija tal-Awtorità tad-Djar.
B’sodisfazzjon innota li x-xogħol tal-ġebla beda wkoll fuq is-siti fis-Siġġiewi, fiż-Żurrieq, f’Ħal Kirkop, f’Ħaż-Żebbuġ u f’Ħ’Attard.
Il-Ministru Galdes stqarr: “Ħafna mis-siti dedikati għall-housing diġà beda x-xogħol tal-qafas tal-ġebel fuqhom u dak ifisser ukoll li allura miexi tajjeb anki l-proġett tal-1,700 appartament. Issa bħala Ministeru ċertament il-ħidma tagħna ħa tiżdied. Il-ħsieb huwa li nindirizzaw din il-ġerħa fil-housing soċjali li ilha hemm għal għexieren ta’ snin u għall-ewwel darba jkollna stokk adekwat biex ngħinu familji li ilhom jistennew għexieren ta’ snin għall-housing soċjali.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay, fakkar fix-xogħol tal-Awtorità li jmur lil’hinn mill-bini biex tindirizza l-lista ta’ stennija.
Dan billi fost l-oħrajn qed tiltaqa’ ma’ kull wieħed u waħda fuq il-lista li qed jistennew akkomodazzjoni b’sistema ta’ profiling.