Ix-xogħlijiet fuq l-ewwel kumpless tal-Hospice għal servizzi ta’ kura paljattiva huma kważi lesti u l-proġett mistenni jkun beda jagħti s-servizzi kollha sal-aħħar tas-sena d-dieħla.
Il-Bord tal-Gvernaturi u l-Kap Eżekuttiv tal-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp u Soċjali (NDSF), li qed jikkofinanzja dan il-proġett, żaru l-binja f’Santa Venera, fejn raw ix-xogħlijiet estensivi li tlestew matul l-aħħar xhur.
Il-kumpless, li fih 11,000 metru kwadru, kien proprjetà tal-Knisja u ġie mgħoddi formalment lil Hospice Malta fl-2019.
Permezz ta’ ftehim iffirmat bejn il-NDSF u l-Hospice Malta s-sena l-oħra, il-fond se jikkofinanzja l-proġett permezz ta’ għotja soċjali ta’ €8 miljun. Il-biċċa l-kbira tax-xogħlijiet ċivili tlestew diġà.
Iċ-Ċentru tal-Kura Paljattiva se jinkludi sezzjoni għall-pazjenti residenti, li se tipprovdi aktar servizzi ta’ kura paljattiva għall-pazjenti b’mard li jillimitahom. Is-servizzi ta’ terapija offruti mill-Hospice Malta se jiġu estiżi sabiex jikber il-programm ta’ għajnuna fil-komunità.
Barra min hekk, se jiġu introdotti wkoll żewġ kliniki mediċi għall-pazjenti mhux residenti fejn se jkompli jiġi kkonsolidat it-tim professjonali.
Il-fergħa edukattiva wkoll se tkompli bl-iskambju ta’ għarfien bejn esperti minn faċilitajiet oħra tal-Hospice madwar id-dinja.
Il-Kap Eżekuttiv tal-NDSF, Raymond Andrew Ellul, qal li “il-kontribut finanzjarju sostanzjali tal-NDSF lejn dan il-proġett juri l-impenn lejn il-finanzjament ta’ proġetti ta’ importanza nazzjonali li huma fl-aħjar interess tal-pubbliku. St Michael Hospice se jiżgura li l-pazjenti kollha jiġu ttrattati b’dinjità u li l-familji tagħhom isibu l-appoġġ meħtieġ matul l-aktar mumenti diffiċli ta’ ħajjithom, f’atmosfera ta’ servizz professjonali u fi spirtu ta’ kompassjoni.”
Iċ-Chairperson tal-Hospice Malta, Bernadette Bonnici Kind, stqarret li “il-Hospice hija grata li dan l-isforz ġie rikonoxxut bħala proġett ta’ importanza nazzjonali, għall-benefiċċju ta’ din il-ġenerazzjoni u tal-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni.”