Ix-xogħol fuq il-proġett tal-akkomodazzjoni soċjali f’Birkirkara miexi ġmielu hekk kif kull ma jmur qed ikompli jersaq lejn tmiemu.
Waqt żjara li għamel fis-sit, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali innota kif ix-xogħol li ma waqafx wassal biex fi ftit ġimgħat ġew installati s-servizzi kollha tad-dawl u l-ilma f’kull appartament. Dan filwaqt li tlestew ukoll ix-xogħlijiet ta’ ‘finishings’ fuq is-sitt blokok u tpoġġa l-madum bejniethom ukoll.
Huwa spjega kif dan il-proġett huwa parti minn wieħed ikbar għall-akkomodazzjoni f’pajjiżna.
Qal, “Il-ħsieb huwa li issa niffinalizzaw uħud mill-proġetti wkoll li qed naħdmu fuqhom biex inkomplu l-kullana ta’ suċċessi li għamilna fil-qasam tal-‘Housing’ biex inkomplu ngħinu iktar għexieren, eluf ta’ familji wkoll li għandhom bżonn l-għajnuna tal-istat.”
Is-sit f’Birkirkara ser ikollu 73 appartament ġdid u 56 garaxx imqassma f’sitt blokok ta’ 3,000 metru kwadru. Dan bħala parti mill-akbar proġett ta’ housing f’pajjiżna fl-aħħar erbgħin sena b’investiment ta’ €110 miljun. Biex b’hekk Gvern Laburista ser ikun ħoloq 1,700 appartament ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali.