Sal-aħħar ta’ din is-sena se tkun infetħet l-ewwel parti mill-proġett masiċċ tal-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Dan il-park issa se jibda jokkupa medda ta’ art daqs id-doppju li kienet tintuża bħalissa u l-pubbliku se jkollu aċċess għal żoni ġodda li sa issa qatt ma kellu aċċess għalihom.
Qal, “Sa qabel bdejna dawn ix-xogħlijiet in-nies setgħu igawdu spazju daqs 30 grawnd tal-futbol. Ġaladaba jitlesta x-xogħol se jkollok daqs sittin grawnd tal-futbol.”
Il-Ministru għall-Infrastruttura, li huwa responsabbli għal dan il-proġett spjega wkoll li x-xogħolijiet żammew f’moħħhom il-veduti pittoreski tal-Imdina. Id-dehra tal-Imdina se tkun l-isfond naturali taż-żona tal-kunċerti li ħadet post fabbrika antika tal-konkrit.
Qal, “Ħadt id-deċiżjoni sentejn ilu, li ngħalaq u nwaqqa’ fabbrika tal-konkrit li kienet ħdejn l-istadium nazzjonali żona daqs sitt grawnds tal-futbol li kull ma kienu jidħlu fiha huma dawk li jabbuaw fir-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni li issa se naqilbu f’żoni tal-kunċerti u fil-kumplament tas-sena se jkun spazju kbir għall-familji biex igawdu.”
Il-Ministru Borg kompla jispjega li f’dan il-proġett se jitħawwlu madwar 80,000 siġra matura ma’ dawk li diġà hemm fil-park l-antik ta’ Ta’ Qali.
Għal dan il-għan qed tinbena sistema tal-irrigazzjoni ġdida taħt l-art, li minn ġibjun kbir taħt fejn isiru l-kunċerti se jibda jforni numru ta’ ġwiebi oħra madwar il-park l-antik.
Spjegat, “Qed isir wieħed mill-akbar ġibjuni li hawn f’dan il-pajjiż li ħa jiġbor fih ammont kbir ta’ ilma tax-xita. Biex permezz ta’ pompi nużaw l-ilma tax-xita biex mhux biss insaqqu ż-żona tal-kunċerti imma anki l-park li qegħdin fih bħalissa.”
Bħalissa qed isiru wkoll interventi maġġuri fil-parti tal-Park Nazzjonali sabiex ikompli jitjieb l-aċċess f’dan il-park u jiżdied ukoll l-aċċess għal partijiet li sal-ġurnata tal-lum baqgħu qatt ma nfetħu għall-pubbliku.
L-amfi-teatru li kien hawn fil-Park Nazzjonali wkoll qed jara xogħol kbir ta’ titjib sabiex jerga’ jibda joffri spazju għall-artisti.