Wara tletin sena ta’ wegħdiet mingħajr azzjoni, il-Crafts Village f’Ta’ Qali issa jinsab fi stadju avvanzat ta’ riġenerazzjoni komplut tal-attivitajiet tal-artiġġjani.
Sal-aħħar ta’ din is-sena, dan il-villaġġ mistenni jara sistema ta’ sigurtà ġdida, spazji miftuħa għall-familji, kif ukoll ċentru ġdid ta’ Heritage Malta fost l-oħrajn.
Waqt żjara fl-istess villaġġ, il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri faħħar il-grinta tal-ħaddiema tal-artiġjanat li tul snin ta’ sfidi, baqgħu ħerqana biex jinvestu fit-talenti tagħhom.
Huwa qal li l-potenzjal ta’ dan il-villaġġ huwa evidenti, hekk kif f’Diċembru li għadda ra eluf ta’ Maltin iżuruh f’attività tal-Milied.
Il-Ministru spjega li l-kumplament tal-proġett mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena.
Qal kif, “Bħala Ministru tajt struzzjoni diretta lill-INDIS Malta sabiex issa tidħol hi fir-responsabbiltà li jitlesti dan ix-xogħol permezz ta’ framework agreement b’rati maqbulin ukoll minn qabel sabiex ix-xogħol kollu li fadal fejn jidħlu l-‘huts’ jitlesta sal-aħħar ta’ din is-sena u dan il-villaġġ nerġgħu nagħtuh il-ħajja u l-attività li għandu bżonn”
Fost is-sebgħin ħaddiem tal-artiġjanat li se jaħdmu mill-Crafts Village, ONE News tkellem ma’ Sonny Gatt.
Sonny ilu jaħdem f’dan is-settur għall-dawn l-aħħar erbgħin sena, u issa jinsab irtirat iżda għadda s-sengħa lill-bintu.
Spjega, “Importanti ħafna għax l-ewwel nett ma baqax mitluq bħal ma konna qabel, ifimni. Il-proġett ġie sabiħ u kumplimentuż ħafna għall-artiġġjanat.”