Miexi ġmielu x-xogħol fuq iċ-ċentru għall-kura tad-dimensja fl-Imtarfa, li mistenni jilqa’ l-ewwel anzjani f’Settembru li ġej, fix-xahar iddedikat għall-kundizzjoni tal-Alzheimer’s.
Fi żjara fuq il-lant tax-xogħol, kien spjegat lill-Ministru għall-Anzjani, Michael Farrugia, li ż-żona prinċipali taċ-ċentru se tkun dik li tilqa’ l-kċina, is-salott u attivitajiet li jżommu lill-anzjani attivi.
Dan bil-għan li l-atmosfera tkun għal kollox differenti minn dik ta’ swali u sptar, u minflok titħaddan iktar l-idea ta’ dar, biex l-anzjani li jkunu xi ftit diżorjentati minħabba l-kundizzjoni, iħossuhom siguri.
Qal, “Dan ħa nagħmluh permezz ta’ faċilitajiet differenti li jixbħu d-dar, bħall-kċina fejn ikunu jistgħu jagħmlu attivitajiet fiha, naqra te u naqra sandwich, living area u television, jiġifieri iktar ma jkun hemm affarijiet li jixbħu darhom, dik il-persuna aktar ħa tieħu gost tattendi u tħossha komda f’dan l-ambjent.”
Ħafna mix-xogħol f’dan iċ-ċentru, li ġaladarba jkun lest mistenni jgħin lil xejn inqas minn ħamsin familja u jilqa’ sa massimu ta’ tnax-il persuna kuljum, qed isir mill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità.
Fil-qofol tas-servizzi offruti hemm l-anzjani li jbatu minn diżorjentazzjoni tal-ħin tal-irqad; li jorqdu mal-ġurnata u jqumu matul il-lejl.
Spjega, “Bil-lejl ikollna dawn il-każijiet fejn per eżempju mhux qegħdin jorqdu, u aħna allura nżommuhom attivi billi ningaġġawhom f’attivitajiet, ikollna crafts, ikollna sessjonijiet ta’ jigsaw puzzles, sessjonijiet biex aħna nżommu l-menti tagħhom attivi fl-istess ħin li l-qraba tagħhom ikunu jistgħu jorqdu u jieħdu lejla ta’ mistrieħ biex l-għada filgħodu jkunu jistgħu jkomplu bix-xogħlijiet tagħhom.”
F’pajjiżna hawn madwar sebat elef persuna li jbatu bid-dimensja, u huwa stmat li ma’ kull wieħed u waħda b’din il-kundizzjoni, ibatu bejn tlieta u erbat iqraba.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia spjega li dan iċ-ċentru fl-Imtarfa se jkun l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu, flimkien mal-proġett ta’ villaġġ sħiħ f’Ħal Safi, li se joffri servizzi matul il-lejl ukoll.
Qal, “Dan iċ-ċentru ġewwa l-Imtarfa u l-ieħor ġewwa Ħal Safi se jkunu l-ewwel day night care centres għall-persuni bid-dimensja biex ikunu jistgħu jiġu hawnhekk u jqattgħu numru ta’ sigħat. Ħa jkollhom opportunità ta’ numru ta’ attivitajiet li jistgħu jsiru hawnhekk u anki l-possibilità li jistgħu joħorġuhom barra u jingħataw anki taħriġ biex jgħinu għall-kundizzjoni tad-dimensja li huma jkollhom.”
Ix-xogħol fuq dan iċ-ċentru, li huwa mifrux fuq medda ta’ ħames mitt metru kwadru ta’ art, beda fi Frar li għadda u mistenni jkun lest lejn l-aħħar t’Awwissu.