Dik li kienet art privata li fuqha kienet mibnija fabbrika tal-konkrit illum għaddejjin xogħlijiet fuqha biex fis-snin li ġejjin tkun tista’ titgawda mill-pubbliku bħala parti mill-proġett tal-park nazzjonali f’Ta’ Qali.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol il-Ministru Ian Borg spjega kif bħalissa qed isir it-tħaffir għall-ħażna tal-ilma li ser ikun ta’ sostenn għat-tmenin elf siġra li se jiġu mħawla.
Dan filwaqt li l-Perit Nadia Curmi, id-Direttur tad-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi sostniet li dan il-proġett mill-bidu sal-aħħar huwa wieħed sostenibbli.
Hija spjegat: “Hawnhekk qed naraw l-area tal-kunċerti li hija wieħed minn sitt fażijiet prinċipali ta’ dan il-proġett. Qed naraw li beda xogħol ta’ tħammil, huwa xogħol ta’ ċaqliq ta’ materjal mit-tarf tas-sit għat-tarf l-ieħor u warajja qed naraw ukoll li bdew xogħlijiet relatati ma’ kostruzzjoni ta’ ġibja li hija waħda mill-iktar elementi importanti biex din l-area nżommuha mħaddra kemm jista’ jkun.”
Il-Kordinatur tal-proġett, Jason Micallef tkellem dwar l-aspett ħolistiku tal-proġett tant li l-ħsieb u d-disinn wara l-proġett jdur mal-aspett ambjentali u jinkorpora miegħu aspett kulturali.
Is-Sur MIcallef qal: “L-aspett ħolistiku kbir b’viżjoni għas-snin li ġejjin ta’ Ta’ Qali huwa l-ewwel nett li jitgawda s-sena kollha lejl u nhar xi ħaġa li qatt m’eżistiet s’issa imma mbagħad għandek l-aspett ambjentali għaliex għandek ħafna aktar spazji vojta li se jkunu qegħdin jitħaddru. Huwa proġett li se jkun qed iżewweġ il-proġett il-ġdid tat-Ta’ Qali Crafts Village alluea l-artiġġjanat tradizzjonali u l-kultura flimien naturalment mal-ammonti sostanzjali ta’ kunċerti illi se jkunu qed jittellgħu f’din l-area.”
Il-Ministru Borg temm jgħid li din iż-żona hija biss parti waħda mill-proġett massiċċ ta’ erba’ mija u għoxrin elf metru kwadru.
Huwa sostna: “Ħadna deċiżjoni konxja bħala Gvern Laburista illi din il-fabbrika tal-konkrit li kienet mitluqa għal numru ta’ snin tiġi konvertita u mogħtija lura lin-nies bħala spazju miftuħ. Sal-aħħar tas-sena d-dieħla se jkun hawn trasformazzjoni sħiħa u nagħtu dak l-ispazju lill-familji tagħna li tant jixtiequ.”