Miexi ġmielu x-xogħol fuq ċentru ta’ servizzi komunitarji ġdid tal-Caritas fi Blata l-Bajda.
Dan deher biċ-ċar waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha ġie spjegat kif dan iċ-ċentru ser ikun qed jgħin jintegra nies b’ċirkostanzi soċjali differenti, lura fis-soċjetà.
Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt spjega li b’kollox ir-rinovar ta’ din id-dar ġie jiswa €4.6 miljun, b’€2 miljuni huma ffinanzjati minn Fondi Ewropej.
Huwa qal: “Dan se jkun qed iservi ta’ dar għal servizzi komunitarji jiġifieri mhux residenzjali għal ħafna nies fil-bżonn jiġifieri fuq ċirkostanzai soċjali differenti – nies li għaddejin bi problemi fil-familji tagħhom, problemi minħabba xi kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali, nies li jbatu minn xi dipendenza u r-relatives tagħhom ukoll. Dan iċ-ċentru ħa jkollu amministrazzjoni u hub ukoll għall-voluntiera.”
Il-President Emeritu George Abela, li huwa responsabbli minn dan il-proġett spjega wkoll li dan il-proġett seta’ sar wara li l-Knisja tat din il-binja lill-Fondazzjoni Caritas.
Il-proġett mistenni jitlesta f’Marzu li ġej.
Il-President Emeritu Abela sostna: “Din il-binja sabiħa ta’ 6 sulari li tagħtilna l-Knisja u aħna aġenzija tal-Knisja, minn hawnekk iktar mill-ġebel huwa s-servizz li jrid joħroġ. Is-servizz li jrid jingħata mill-professjonisti li diġà għandha l-Caritas fi ħdanha lil min hu vulnerabbli.”
Il-Ministru Carmelo Abela u s-Segretarji Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi u Clifton Grima, li kienu preżenti għal din il-konferenza sostnew ukoll l-importanza li għaqdiet kemm governattivi u anke volontarji jagħmlu użu minn fondi ewropej aċċessibbli għalihom sabiex ikomplu jtejbu s-servizzi li joffru u jwessgħu l-ħiliet tagħhom.
Il-Ministru Abela qal: “L-appell tiegħi hu li dawk l-għaqdiet mhux governattivi li joħolmu bi proġetti kbar jew żgħar, anke għaqdiet voluntarji li huma żgħar fid-daqs tagħhom jersqu lejn l-aġenzija MEUSAC biex tkun tista’ tgħinhom ħalli l-ħolm tagħhom isir realtà.”