Ix-xogħol fil-Park tal-Familja f’Bengħajsa miexi ġmielu, bil-għan li dan il-park fin-naħa t’isfel tal-pajjiż jikber b’7,000 metru kwadru ieħor.
Wara li Project Green ħadmet fuq id-disinn ta’ din il-fażi tal-proġett u nħarġu l-permessi, issa ngħata bidu għax-xogħlijiet fejn bħalissa qed isir qtugħ ta’ ħaxix ħażin biex ikun jista’ jsir xogħol ta’ surveying u analiżi tal-kundizzjoni tal-art, biex b’hekk ma jkunx hemm impatt ħażin fuq il-bijodiversità.
Waqt li żaret ix-xogħlijiet, flimkien ma’ uffiċjali mill-istess entità governattiva u membri mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, ħabbret li, bħala parti mill-proġett, se jiżdiedu 141 siġra u bosta arbuxelli.
Dr Dalli qalet kif il-Park tal-Familja ta’ Bengħajsa qed iservi ta’ pulmun aħdar f’din il-komunità.
Kompliet kif qed titwettaq ħidma li l-Park ta’ Bengħajsa mhux biss jikber u jkun aktar aċċessibbli, iżda jagħti valur miżjud lill-komunità.
“Fil-fatt, l-impenn tagħna hu li nwettqu l-wegħda li għamilna. Hawnhekk kienet żona, li kienet immirata għall-parkeġġ tal-kontejners. U aħna, issa, għedna li din iż-żona ma rriduhiex żona industrijali, imma li naqilbuha f’park għan-nies u diġà ftaħna 17,000 metru kwadru u, f’din il-fażi, qegħdin naraw li nespandu dan il-park, issa, b’7,000 metru kwadru ieħor. U l-pjan tagħna hu li ma niqfux hawn, għax qegħdin inħarsu wkoll lejn artijiet oħrajn fil-madwar biex naraw li dan il-park, jekk jista’ jkun, nestenduh aktar.”
Miriam Dalli – Ministru
Il-proġett jinkludi pavimentar apposta biex jistabbilizza l-ħamrija u jipprovdi passaġġ aċċessibbli, waqt li se jinbena ġibjun għall-ilma ta’ 290 metru kubu biex b’hekk tkun tista’ ssir sistema ta’ irrigazzjoni li tintuża fit-tisqija taż-żona.
F’dan il-proċess se jiġu introdotti tagħmir tal-logħob, bħal slides, u faċilitajiet, bħal bandli u rampi, li jagħmlu l-post aktar aċċessibbli.
Il-Kap tal-Implimentazzjoni ta’ Project Green, Liana Saliba Gazzano, spjegat kif iż-żona se tiġi riabilitata biex jiżdied l-ispazju għall-familji.
“Matul din l-aħħar sena, Project Green ippreparat id-disinji, ikkonsultat mal-istakeholders, ħareġ it-tender u issa ntrebaħ. Fil-fatt issa għandna l-kuntrattur fejn beda x-xogħol bdiet titnaddaf iż-żona u, issa, mistenni li x-xogħol jitlesta fix-xhur li ġejjin.”
Liana Saliba Gazzon – Kap tal-Implimentazzjoni, Project Green
