Miexi ġmielu x-xogħol fil-grawnd tal-atletika tal-Marsa biex fi ftit tax-xhur oħra, jibda jilqa’ kompetizzjonijiet internazzjonali u ta’ livell.
Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ €3 miljun u se jinbena fi żmien rekord ta’ erba’ xhur.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, Mark Cutajar spjega li l-ewwel kompetizzjoni internazzjonali li se tintlagħab f’dan il-kumpless hija tal-Ispecial Olympics f’Mejju li ġej u ssegwi dik tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Mejju tas-sena d-dieħla.
“F’temp ta’ sentejn, tlieta u tletin pajjiż differenti ħa jkunu jafu b’Malta fl-isport u ħa jkunu jafu bil-korsa tal-atletika allura dan il-kumpless kollu, minbarra li qed jibbenefikaw l-atleti Maltin li finalment se jkunu qed jitħarrġu f’kumpless internazzjonali, ħa jkun qed iġib iktar kompetizzjoni internazzjonali u iktar atleti f’pajjiżna.”
Bħalissa qed jinbnew mill-ġdid l-istands li kienu fi stat ħażin u perikoluż, li issa se jkunu tal-ogħla standards u aċċessibbli għal kulħadd.
Bħala parti minn dan il-proġett se jinbnew ukoll faċilitajiet fuq ġewwa u msaqqfa biex ma jxekklux it-taħriġ meta jaħkem il-maltemp.
Il-Perit Mario Bonello spjega li dan il-kumpless diġà attira timijiet barranin ta’ pajjiżi bi staġuni ferm agħar minn tagħna.
“Il-barranin għandhom tendenza li jibżgħu jiġu għaliex jibżgħu li jinzertawlhom xi ġranet li ma jkunux tajbin u naħseb dal-faċilitajiet indoors isolvu dal-problemi u jagħtu kontinwità anki lill-atleti tagħna Maltin li jistgħu jippreparaw kif suppost għal kull avveniment internazzjonali u nazzjonali li jkollhom.”
Il-Ministru għall-Isport, Clifton Grima qal li dan il-proġett jikkumplimenta żewġ faċilitajiet oħra li se jsiru fil-Marsa.
“Il-Marsa għandha dak kollu neċessarju biex tkun tista’ tiġi meqjusa bħala villaġġ sportiv u allura qegħdin naraw li l-investiment hawnhekk jikkumplimenta numru ta’ faċilitajiet oħra li qed isiru b’investiment mill-Gvern u anki mill-privat fosthom it-trakka taż-żwiemel li tinsab ftit metri ’l bogħod minn hawnhekk, kif ukoll faċilitajiet bħal tal-ġinnastika, tal-weightlifting u tar-rugby u dan kollu ħa jikkumplimenta l-viżjoni tagħna li hija waħda t’eċċellenza għas-settur sportiv.”