Tnejn u sebgħin elf persuna li jgħixu l-Gżira u fil-lokalitajiet tal-madwar, se jibbenefikaw minn xogħlijiet maġġuri li qed isiru fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira, b’investiment ta’ miljun u mitejn elf ewro.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-post ġie ġebel u saqaf biex issa jsir xogħol estensiv kemm fuq ġewwa kif ukoll fuq barra, u s-servizzi li jingħataw ikunu kollha ġodda.
Carmen Ciantar, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, li qed tieħu ħsieb id-disinn u l-implimentazzjoni tal-proġett, spjegat li x-xogħol f’dan iċ-Ċentru beda f’Mejju.
Spjegat “Ix-xogħlijiet kienu varji. Bażikament bdejna billi żarmajna l-building kollu, neħħejna s-servizzi kollha antiki u għamilna anki xi changes li kien hemm bżonn fl-istruttura, ma kinux massivi, l-ikbar waħda kienet bażikament li noħolqu l-lift shaft.”
Fil-fatt, l-aċċessibilità kienet l-ikbar uġigħ ta’ ras f’dan iċ-ċentru, għaliex kif tidħol hemm taraġ għal fuq iżda l-ebda aċċessibiltà għal min ma jistax jitla’ taraġ, fosthom anzjani u persuni b’diżabilità.
Qalet “Din il-binja hija binja li nbniet fin-1900s u ma kienx hawn lifts ġo fiha u kien inkonvenjent kbir għal min kien qed juża dan il-Health Centre. Bdejna nagħmlu x-xogħlijiet rigward dan, ħa nibdlu wkoll l-Xray Machine li kien hawn li dan huwa proġett fih innifsu, sabiex nipprovdu Xray Machine li hija aktar addattata għaż-żminijiet tal-lum.”
Il-pjan hu li x-xogħol ikun lest lejn l-aħħar tal-ewwel kwart tas-sena d-dieħla, f’Marzu tal-2021, biex mix-xahar ta’ wara jibdew jingħataw is-servizzi mill-ġdid.
Sakemm qed isir dan ix-xogħol, is-servizzi qed jingħataw minn binja temporanja fil-viċin u miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana.
Intant, il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi għaddejja wkoll b’xogħol fuq iċ-Ċentru tar-Rabat Għawdex, taqsima ġdida fl-Isptar Mater Dei dedikata għal infezzjonijiet serji, sptar psikjatriku ġdid u blokka ġdida tal-Outpatients.