Miexi ġmielu x-xogħol ta’ riġenerazzjoni fuq il-ġnien tal-Mall fil-Furjana b’investiment ta’ erba’ miljun ewro.
Dan l-investiment mistenni jtejjeb kemm l-estetika ta’ dan il-ġnien kif ukoll tal-inħawi sabiex jikkumplimenta aħjar id-dehra ta’ Pjazza Tritoni, Ġnien il-Biskuttin u Ġnien l-Argotti fost oħrajn.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol ġie spjegat lill-Ministru għall-Proġetti Kapitali Ian Borg li l-proġett hu maqsum fi tliet fażijiet fejn l-ewwel fażi tinkludi xogħol ta’ pavimentar li sa issa diġà sar xogħol fuq total ta’ 6,000 metru kwadru.
Il-pavimentar li qed isir huwa apposta biex jgħin nies nieqsa mid-dawl.
Fit-tieni fażi se jsir ir-restawr tal-monumenti u tal-bini tal-funtana mill-ġdid filwaqt li t-tielet fażi se tkun qed tinkludi l-installazzjoni ta’ sistema ġdida ta’ dawl fil-ġnien u fuq barra tiegħu kif ukoll xogħlijiet oħra ta’ servizzi bħal kameras tas-sigurtà.
Fil-fatt dwar dan it-tisbiħ, is-Sindku Furjaniża qalet li dan il-ġnien se jkun tassew jixraq għal-lokalità.
Davina Sammut Hili qalet, “Ġnien li sfortunatament kien fi stat naqra gravi minħabba anki l-paviment li kien jiżloq u minħabba li l-ġnien ma kellux dawl, allura kienu jsiru ċertu abbużi u t-tieni ħaġa naħseb hija xi ħaġa sabiħa li l-Gvern qed jinvesti fil-lokalità tal-Furjana.”
Il-Ministru Ian Borg spjega li l-Furjana hija mogħnija b’bosta ġonna u l-ġnien tal-Mall huwa wieħed minn dawk li se jkun qed iservi bħala spazju miftuħ għall-familji.
Huwa stqarr: “Il-Gvern qed ikompli jagħti l-importanza lill-ispazji miftuħa fejn in-nies tkun tista’ tqatta’ l-ħin tagħha f’żoni bħal dawn anke urbani bħall-Furjana.”
Fl-istess żjara fil-ġnien kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Gino Cauchi, li saħaq li l-ġnien għandu potenzjal kbir u ta’ kuljum kien jintuża għar-rikreazzjoni.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-Korporazzjoni li qed twettaq ix-xogħol, Anthony Agius Decelis, qal li dan hu proġett li bih mhux se jgawdu l-Furjaniżi biss iżda għall-ġejjieni dan se jkun proġett ta’ fejda għat-turiżmu.