B’investiment ta’ disa’ miljun ewro, miexi ġmielu x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-proġett fil-Kumpless Rużar Briffa f’San Vinċenz de Paul.
Mifruxa fuq għaxart elef metru kwadru ta’ art, din il-parti tal-Kumpless mhux biss se tara żieda ta’ madwar mija u tletin sodda ġdida, imma se twassal ukoll għall-introduzzjoni ta’ servizzi speċjalizzati fil-qasam tal-ġerjatrija bħar-respite u l-Occupational Therapy.
Il-Perit tal-proġett, Sergio De Gabriele, spjega x-xogħol li qed isir bħalissa, li mistenni jkun lest lejn l-aħħar ta’ din is-sena.
Huwa qal, “Għandna xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u alterazzjonijiet strutturali avvanzati sew tista’ tgħid kważi kompleti, għaddejjin bix-xogħlijiet ta’ finishings u mmodernizzar tas-sistemi elettriċi u mekkaniċi, għaddej ukoll ix-xogħol ta’ restawr fuq barra tal-binja u xogħlijiet ta’ landscaping u pavimentar, kif ukoll il-bini tal-ġnien fuq wara tal-binja, għaddej ukoll ix-xogħol fuq l-Occupational Therapy Department li jinstab fil-pjan terran.”
Għexieren ta’ snin ilu, din il-binja kienet tintuża bħala sptar għal-Lebbrużi u fil-fatt issemmiet għal Rużar Briffa għaliex kien it-tabib ewlieni li ffoka l-karriera tiegħu fuq il-kontroll u l-kura lill-persuni morda bil-Lebbra.
Ftit wara s-snin sebgħin, il-binja bdiet tintuża għall-kura fit-tul.
Ir-restawr u l-bini l-ġdid li beda taħt Gvern Laburista kien kruċjali minħabba problemi sanitarji, nuqqas ta’ aċċessibilità u strutturi perikolużi.
L-ewwel fażi tal-proġett, li saret b’investiment ta’ sitt miljuni u tlestiet fl-aħħar tal-elfejn u sbatax, għandha madwar mija u erbgħin sodda, u bħalissa qed tintuża bħala taqsima speċjalizzata li fiha tingħata kura lill-anzjani li jkunu ġew pożittivi għall-COVID-19.
Il-Kap Eżekuttiv tar-Residenza San Vinċenz de Paul, it-tabiba Josianne Cutajar, innotat li qabel beda dan il-proġett maqsum f’żewġ fażijiet, il-Kumpless kien jesa’ mija u ħamsa u sittin pazjent.
Bit-tlestija tat-tieni fażi tal-proġett lejn l-aħħar tas-sena, il-Kumpless kollu se jkun jesa’ madwar mitejn u sebgħin anzjan u anzjana.
Dr Cuatajar saħqet: “B’dan l-investiment li għaddej hawnhekk li ħa jkun qrib id-disa’ miljuni, tana wkoll il-possibilità li filwaqt li ħa nżidu l-iswali u s-sodod, mal-mija u tletin sodda oħra, se nkunu wkoll qegħdin niftħu servizzi ġodda bħal outpatients u occupational therapy, li se jkunu wkoll aċċessibbli għall-anzjani kollha kemm fid-djar fil-komunità u kemm dawk li għadhom jgħixu mal-familji tagħhom.”