Fuq medda ta’ aktar minn erbat elef metru kwadru ta’ swar, mexjin ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq is-Sur ta’ San Nikola, li jagħmel parti mis-Swar tal-Kottonera u li jifred lil Bormla u l-Fgura.
Dan is-sur qed jiġi rrestawrat mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, b’investiment ta’ madwar sitt mija u ħamsin elf ewro.
Ix-xogħlijiet li qed isiru bħalissa jikkonsistu f’tindif, tikħil mill ġdid tal-fili, jinbidel il-ġebel iddeterjorat, u jsir restawr tas-sur u l-parapett.
Qed ikunu kkonsolidati wkoll żoni fraġli tal-ġebel, u xogħlijiet oħra ta’ konservazzjoni ta’ ġebel li bih hu mibni s-sur.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, li żaru x-xogħlijiet, ġie spjegat kif b’inizjattivi bħal dawn qed ikompli jiżdied il-valur tal-wirt nazzjonali tagħna.
“Aspett sabiħ ħafna tal-Kottonera huwa s-swar li jiċċirkondah, mhux biss il-Cottonera Lines imma anki l-Margerita Lines. Dawn fl-istorja ta’ pajjiżna qatt ma ġew irrestawrati, u dan il-Gvern ħa d-deċiżjoni biex jagħmel restawr ta’ dan is-swar u jerġa’ joħroġ is-sbuħija u r-rikkezzi patrimonjali li fihom.”
Fl-istess waqt, dawn ix-xogħlijiet mill-ħaddiema tad-Dipartiment tar-Restawr, huma parti importanti mill-preservazzjoni tal-wirt storiku Malti.
“Inħeġġeġ Kunsilli Lokali oħra li tant jafu tajjeb il-lokalitajiet tagħhom, iressqu ’l quddiem postijiet storiċi li għandhom bżonn restawr u tiswijiet biex inkomplu nżidu valur lil-lokalitajiet tagħna u allura lill-komunità Maltija u Għawdxija.” 18
Ix-xogħlijiet fuq dan is-sur bdew f’Novembru li għadda u mistennija jitlestew lejn l-aħħar ta’ din is-sena.