F’April li ġej, fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera mistenni jitlesta l-proġett tal-ewwel pixxina fuq ġewwa fin-naħa t’isfel ta’ Malta, b’investiment ta’ €14 miljun.
Dan ifisser li l-proġett se jkun tlesta ġimgħat qabel Malta tilqa’ l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.
Fl-aħħar jiem tlesta x-xogħol fuq is-saqaf tal-pixxina. Tlesta wkoll ix-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq id-dressing rooms, l-uffiċini, il-kmamar tal-kontroll, u l-kmamar għall-ħtiġijiet sanitarji.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar, qal li dan il-proġett huwa wieħed mill-aqwa proġetti sportivi li qatt saru fil-pajjiż, li se jkun qiegħed jippermetti livell għoli ta’ sport.
Huwa qal, “Wieħed mill-aqwa proġetti li dan il-pajjiż se jkollu pixxina f’qalb il-Kottonera; pixxina li għandha t-teknoloġija kollha neċessarja sabiex tkun waħda mill-aqwa pixxini tal-Mediterran.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru responsabbli mill-Isport, Clifton Grima, fakkar li dan il-proġett kien imwiegħed fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ u se joffri opportunità eċċellenti għal dawk kollha li se jkomplu jitħarrġu fl-isport.
Il-Ministru stqarr, “Se nkunu qegħdin naraw investiment ta’ €14-il miljun illi l-atleti Maltin tagħna se jkunu jistgħu jibbenifikaw minnhom u allura, iva, inkomplu naraw kif, bħala pajjiż, qegħdin ninvestu f’infrastruttura, infrastruttura sportiva.”
Il-pixxina hija tad-daqs olimpiku, u t-tul jissodisfa r-rekwiżiti tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Għawm. Se tkun mgħammra bl-aħjar teknoloġija u se jkollha funzjoni li titla’ u tinżel biex jingħataw il-lezzjonijiet fiha. Apparti hekk, il-materjal tat-twaqqigħ ġie kollu riċiklat.
Dan il-proġett jikkumplimenta l-Istrateġija Nazzjonali għall-Isport. Din hija turija ċara li l-Gvern huwa impenjat biex ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura sportiva biex ikompli jkollna aktar suċċess fl-isport f’pajjiżna.
Il-pixxina fuq ġewwa, li se tikkumplimenta l-faċilità tal-padiljun tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, se jkollha spazju għal 400 spettatur, sala tal-konferenzi, u kafetterija.