Fil-kumpless tal-iscouts Dinglin ser ikunu qed jitħawwlu mitejn siġra bħala parti minn proġett ta’ estensjoni u riġenerazzjoni.
Dan tħabbar waqt żjara mill-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg hekk kif jinsab miexi ġmielu l-andament tax-xogħol.
Julian Abela li jmexxi l-iscouts ta’ Ħad-Dingli tkellem dwar ix-xogħlijiet li qegħdin isiru li jinkludu spazji rikreattivi. Huwa spjega: “Kellna parti mill-binja li ġiet estiża. Fejn qabel kellna storage ġo container issa għandna basement sħiħ u fuq il-basement inbniet sala fejn issa ħa jkollna sala ikbar għat-tfal biex jiltaqgħu.”
Abela spjega wkoll kif dan il-proġett mistenni jitlesta sal-ewwel ġimgħa ta’ Marzu.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Ian Borg saħaq li dan il-proġett huwa parti minn kullana ta’ proġetti mid-Dipartiment tax-xogħlijiet pubbliċi.
Huwa sostna: “Is-sena li għaddiet sittin proġett kważi €2 miljun jiġifieri tindikalek li huma proġett relattivament żgħar imma fil-komunitajiet, fl-irħula u fl-ibliet u jagħmlu d-differenza għall-għaqdiet, għall-entitajiet li jkunu qegħdin jużawhom jew pjazez u spazji miftuħa.”