Kull sena, il-professjonisti u voluntiera fi ħdan Hospice Malta jgħinu mill-aspett mediku u psikoloġiku lil madwar elf u mitejn familja.
Familji li jkunu qed jikkumbattu mard bħall-kanċer, ALS u mard serju ieħor li jaffettwa l-pulmun, il-qalb, il-kliewi u l-fwied. Dawn jagħmlu parti mill-faxxa ta’ nies vulnerabbli u ħafna minnhom spiċċaw waħedhom fil-pandemija tal-COVID-19.
Anna Frendo, li tieħu ħsieb is-servizzi ta’ kura, spjegat kif Hospice Malta adattat għaċ-ċirkostanzi straordinarji li ninsabu fihom permezz tal-użu tat-teknoloġija u telefonati kontinwi mal-pazjenti, biex jieħdu ħsieb mhux biss l-aspett mediku, imma wkoll dak psikoloġiku.
“Il-maġġoranza tal-każi, qed niftakar każ partikolari riċenti, fejn persuna li kienet għadha żgħira żammewha d-dar biex anki mietet id-dar u ma bagħtuhiex l-isptar, jiġuhom ħsibijiet, isma’ jien qed nagħmel kollox possibbli? Permezz ta’ dik it-telefonata, aħna nistgħu nserrħulhom moħħhom li inti eħe, qed tagħmel kollox possibbli.”
Anna spjegat li l-proċess ta’ meta persuna titlef lil xi ħadd għażiż għaliha, qed ikun aktar iebes fiż-żmien li ninsabu fih, minħabba li ma jistgħux joqogħdu magħhom l-isptar u ma jistax isir il-funeral b’tislima li tixraq.
“Il-funeral kif nafuh aħna m’għadux jista’ jsir bħalissa, allura tkun weġgħa oħra li forsi fil-ħajja ta’ kuljum lanqas ħadd kien joqgħod jaħsibha imma meta jeħduhielek, issir weġgħa kbira.”
Hawnhekk ukoll, Hospice Malta qed tagħti s-sehemha mhux biss bl-għajnuna tal-ħaddiema soċjali u l-psikologi, imma wkoll mill-aspett reliġjuż.
“Iċ-chaplain tagħna xorta jrid jagħmel il-quddies tiegħu kuljum allura qed iwiegħdhom, u qed jagħmilha, li joffriha għall-bżonnijiet ta’ dak li jkun u din qed tgħinhom ħafna.”