Shimon Peres, li serva bħala Prim Ministru Iżraeljan darbtejn u darba bħala President, miet wara li ġimgħatejn ilu sofra minn attakk f’qalbu.
Huwa kellu 93 sena u kien meqjus bħala missier l-Iżrael. Se jibqa’ mfakkar għall-hekk imsejjaħ ftehim ta’ Oslo fil-bidu tas-snin disgħin, li wasslu biex rebaħ premju Nobel fl-1994, flimkien mal-Prim Ministru ta’ dan iż-żmien Yitzhak Rabin u l-mexxej Palestinjan Yasser Arafat. Kien ftehim li, flimkien ma’ viżjoni ekonomika u koperazzjoni f’oqsma bħat-teknoloġija bejn l-Iżral u d-dinja Għarbija, fasslu dak li tlaqqam bħala Lvant Nofsani Ġdid.
F’ċertu oqsma Peres serva ta’ mudell anke għal pajjiżna.
F’dan ir-ritratt jidher mas-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista fl-2004 Joe Mifsud. Malta kienet ospitat żewġ inizjattivi tal-Ċentru Peres għall-Paċi. Dak iż-żmien kien sar appell sabiex partit soċjalisti jimplimentaw il-mudell ta’ paċi propost għall-unifikazzjoni ta’ żgħażagħ tal-Iżrael u l-Palestina.
Fl-2002 Peres kien irringrazzja lill-President ta’ dak iż-żmien, Guido de Marco, talli pajjiżna fetaħ il-bibien tiegħu għall-inizjattivi favur il-paċi fil-Lvant Nofsani.