Fi kważi mitt sena n-Naxxar ra sitt inċidenti tan-nar u li f’dawn l-inċidenti ndarbu jew mietu mas-sittax-il persuna.
L-ewwel każ imur lura fil-15 ta’ Lulju tal-1928 meta ftit qabel nofsinhar instemgħu żewġ splużjonijiet, dakinhar indarbu tliet irġiel: Ċensu Debono, Ġużeppi Fenech u Salvu Calleja. B’xorti tajba dakinhar ħadd minnhom ma tilef ħajtu minkejja li sofrew minn ħruq konsiderevoli.
It-tieni każ iżda ma kellux l-istess xorti. L-inċident seħħ il-Ħadd 14 ta’ Ġunju tal-1936, l-istess sena meta l-paroċċa tan-Naxxar kienet qed tfakkar il-500 sena mit-twaqqif tagħha. Kienu l-4:40 ta’ waranofsinhar meta man-Naxxar dwiet splużjoni u fis-sema dehret daħna kbira. Dak l-inċident ħasad il-ħajja ta’ Carmelo Borg, li ħalla warajh armla li welldet tarbija l-għada li hu tilef ħajtu.
Ma’ Borg mietu Giovanni Falzon, Giuseppe Falzon, Salvu Quattromani u Emmanuel Agius.
Sittax-il sena wara tilef ħajtu Pawlu Cachia fi splużjoni meta hu flimkien ma’ Manuel Xerri kienu qed jimlew il-murtali għall-festa titulari. Dakinhar tal-inċident kienet qed tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Corpus.
Karmnu Mifsud magħruf bħala tal-Pilaw tilef ħajtu ta’ 48 sena nhar il-21 ta’ Mejju tal-1969, ħames ġimgħat wara li kien involut f’inċident tan-nar. Mifsud kien qed jaħdem fuq stilla li ħadet in-nar. Huwa ħareġ waħdu mill-kamra tan-nar u kien hu stess li talab għall-għajnuna. Huwa miet minħabba kumplikazzjonijiet mill-ħruq li ġarrab.
50 sena ilu, fis-17 ta’ Awwissu tliet ġuvintur Francis Scicluna, Costantino Azzopardi u Peter Bonavia kienu involuti f’inċident ieħor. Dakinhar kienet ġurnata sħuna mmens u għal xi raġuni l-istilla li kienu qed jaħdmu fuqha ħadet in-nar.
Intant, fl-aktar inċident riċenti li ħafna minnha għadna niftakru sew seħħ nhar it-12 ta’ Marzu tal-2008 meta ftit qabel il-ħdax seħħet splużjoni fid-dar ta’ Pawlu Camilleri fejn kien jaħdem in-nar. Dakinhar ukoll inħasdet il-ħajja ta’ Sina Sammut, omm ta’ żewġt itfal li tilfet ħajjitha innoċentament meta darha ġġarfet fuqha kawża tal-isplużjoni. Dan l-inċident kien qajjem ħafna agħar u kontroversja.
Intant, dawn il-vittmi ġew imfakkra mill-Għaqda Mużikali Marija Bambina Banda Vittorja, Naxxar permezz ta’ lapida li ġiet mikxufa nhar is-17 ta’ Awwissu, fl-anniversarju ta’ wieħed mill-inċidenti.
Il-President tas-Soċjetà, il-Ministru Michael Farrugia qal li huwa importanti li dawn il-vittmi jibqgħu imfakkra.
Huwa qal, “Huwa ta’ attenzjoni ukoll għal dawk il-persuni li llum fis-soċjetà huwa dilettanti tan-nar illi jaħdmu b’kawtela u jaħdmu b’attenzzjoni u ma jabbużawx meta jkunu qegħdin jaħdmu n-nar.”