Artiklu ppubblikat fis-sit internazzjonali tal-aħbarijiet, Euractiv, ikkritika bl-aħrax lill-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola.
Il-kritika saret fil-kuntest tal-fatt li l-Prim Ministru Konservattiv Grieg, li jagħmel parti mill-Partit Popolari Ewropew, irrifjuta li jiltaqa’ mal-missjoni tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja, u l-Intern (LIBE) dwar l-istat tas-saltna tad-Dritt fil-Greċja. L-istess għamlu l-Prosekutur Ewlieni, is-servizzi sigrieti, il-kapijiet tal-Pulizija, u saħansitra l-President tal-pajjiż.
Ir-raġuni uffiċjali li taw l-awtoritajiet Griegi kienet li l-iskeda mimlija tagħhom wara l-inċident tal-ħabta bejn żewġ trenijiet li seħħet ftit jiem ilu.
Il-Euractiv innota li l-Partit Popolari Ewropew – li miegħu huwa affiljat ukoll il-Partit Nazzjonalista Malti – ta bidu għal dak li sejjaħlu “s-sabotaġġ” taż-żjara tal-kumitat tal-Parlament Ewropew f’Ateni billi ħabbar li l-membri tiegħu f’din il-missjoni kienu se jirtiraw minnha minħabba l-inċident tal-ferrovija.
L-artiklu kkritika lil Roberta Metsola talli baqgħet siekta quddiem dan kollu u rrapporta li, meta ntalbet għal kumment, hija ma weġbitx.
Dwar dan kiteb fuq il-midja soċjali l-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista u l-Viċi President tas-Soċjalisti u Demokratiċi, Alex Agius Saliba.
Huwa ddeskriva dan bħala każ ieħor ċar illi juri l-ipokrezija u d-double-standards tal-Parlament Ewropew u ta’ Roberta Metsola.
Huwa fakkar li dwar pajjiżna kien sar plejtu sħiħ, b’delegazzjonijiet mill-Parlament Ewropew u b’riżoluzzjoni waħda wara l-oħra fuq is-Saltna tad-Dritt. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Malti u l-istituzzjonijiet dejjem wieġbu u kienu disponibbli biex jiltaqgħu mar-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew.
Issa fil-Greċja, fejn hemm Gvern tal-Partit Popolari Ewropew, Roberta Metsola u l-Parlament Ewropew baqgħu siekta u ma kkundannawx il-fatt li l-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet Griegi għażlu li ma jiltaqgħux ma’ Membri Parlamentari Ewropej dwar kwistjonijiet gravi dwar is-Saltna tad-Dritt fil-Greċja.
Alex Agius Saliba ħabbar li għamel talba lill-Grupp tas-Soċjalisti sabiex, il-ġimgħa d-dieħla titmexxa riżoluzzjoni li tikkundanna lill-Gvern Grieg u s-skiet itarrax ta’ Metsola u l-Partit Popolari Ewropew dwar dan il-każ.